Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar sett ta’ regolamenti ġodda li permezz tagħhom se jkompli jissaħħaħ is-settur ferm kruċjali tal-agrikoltura f’pajjiżna. Dawn ir-regolamenti huma r-Regolamenti tal-2024 dwar il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa.
L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li joħolqu kategoriji ta’ azjendi agrikoli u jikkategorizzaw lill-bdiewa skont l-attività ekonomika tagħhom, fejn dawn ir-regolamenti huma wkoll konformi mall-Politika Agrikola Nazzjonali u jikkumplimentaw ir-Riforma tal-Art Agrikola.
Id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega li permezz ta’ dawn ir-regolamenti se jiġi pprovdut qafas legali għall-azjendi agrikoli kummerċjali biex jiġu identifikati f’kategoriji differenti skont l-introjtu annwali tagħhom. Dan huwa kkalkulat abbażi tad-daqs tal-azjenda agrikola u tal-outputs standard applikabbli għalihom.
Waqt it-tnedija, il-Ministru tal-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo stqarr li punt importanti ta’ dawn ir-regolamenti huwa li din il-kategorizzazzjoni se sservi bħala għodda biex wieħed jifhem aħjar is-settur agrikolu u jiġu identifikati u indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tiegħu. Qal li din l-għodda se tipprovdi wkoll viżibilità aħjar tas-settur agrikolu għal dawk li jfasslu l-politika biex jinħarġu skemi u politiki aktar b’saħħithom u ffukati.
Żied jgħid li dawn ir-regolamenti ser ikunu kruċjali għas-sostenibbiltà tas-settur agrikolu, b’dan kollu jimxi id f’id ma’ riformi u ma’ inizjattivi maħruġa mill-Gvern fis-snin u fix-xhur li għaddew u għalhekk hija konferma oħra li l-Gvern jibqa’ jibni fuqha, u jsaħħaħ dak li jkun implimenta.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq agripolicy.mafa@gov.mt.