Għada l-Ġimgħa, 12 ta’ Lulju, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni Laburista, se jkunu mill-ġdid qalb in-nies, din id-darba fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa, mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Din l-attività tiġi proprju ftit tal-ġimgħat wara li l-Partit Laburista kiseb rebħa oħra kemm fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Lejlet din l-attività politika, iċ-Chairperson ta’ iDEAT, Elaine Degiorgio, appellat biex in-nies jagħtu s-sapport tagħhom lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Partit Laburista.
“Biex ikollok Gvern b’saħħtu jrid ikollok Partit b’saħħtu. Partit viċin in-nies u dak hu li se nkomplu nagħmlu matul il-jiem li ġejjin, proprju għada wkoll f’Birżebbuġa fejn il-Partit Laburista u l-amministrazzjoni se tkun ukoll f’din il-lokalità mal-komunità, tisma’ lir-residenti. U hemmhekk il-Prim Ministru se jkompli jiltaqa’ man-nies ukoll f’din l-attività. Jiġifieri nħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi, jagħti s-sostenn tiegħu lill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista. U hemmhekk nieħdu pjaċir, flimkien, nitkellmu u niddiskutu biex fl-aħħar mill-aħħar naraw li jkollna Malta dejjem aħjar.”