“Rajna Oppożizzjoni li permezz ta’ kawża li fetħet riedet tkun vendikattiva u tbeżża’.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Berġa ta’ Kastilja ftit wara li f’awla numru 23, l-Imħallef Toni Abela ċaħad it-talbiet li għamlet l-Oppożizzjoni sabiex ifittxu personalment lill-Prim Ministru Robert Abela u lil Chris Fearne, fost l-oħrajn.
Fil-preżenza tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru tenna kif l-Oppożizzjoni bl-aktar mod ċar uriet li trid tkun vendikattiva fuq livell personali kemm ma’ Chris Fearne, miegħu kif ukoll mal-ħaddiema taċ-ċivili. Dan filwaqt li l-kawża kellha l-għan li tbeżża’ lill-Gvern milli jkompli bil-ħidma tiegħu favur il-Maltin u l-Għawdxin.
Dr. Abela tenna kif is-sentenza dettaljata tal-lum kompliet toħroġ biċ-ċar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħalef il-falz fir-rikors li ressaq u li llum ġie miċħud mill-Qorti.
Iżda quddiem in-negattività u l-attakki tal-Oppożizzjoni Robert Abela qal kif il-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-Arbitraġġ Internazzjonali kontra Steward, fejn qed inressqu ‘l quddiem talbiet sodi f’isem Malta, biex pajjiżna jassigura li jieħu dak kollu li hu tiegħu.
Hawnhekk innota wkoll kif l-Oppożizzjoni moħħha biex tagħmel il-bsaten fir-roti u tirbaħ il-punti politiċi minn dikjarazzjoni falza, minn attakk koordinat, inġust u viljakk.
Waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fejn tenna kif dan l-attakk li qed naraw illum, ikompli mas-sensiela ta’ attakki li kien hemm fil-konfront tal-Avukat Ġenerali u tal-Istat u tal-Kummissarju tal-Pulizija.