Żewġ persuni temmew b’suċċess l-itwal programm ta’ rijabilitazzjoni fil-pajjiż – dak tal-Komunità Santa Marija – mmexxi mill-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS.
Iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tagħhom saret f’attività li ċċelebrat it-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa, li fiha ġie rikonoxxut is-servizz imprezzabbli mogħti mill-professjonisti soċjali fi ħdan din l-aġenzija.
F’dawn it-tliet diċenji dawn iltaqgħu u għenu bosta persuni li ħassew li kienu fix-xifer li jaqtgħu qalbhom, iżda sabu t-tama li jibdew fis-Sedqa u mal-ħaddiema tagħha, li kienu lesti jimxu magħhom il-vjaġġ lejn il-fejqan mill-abbużi u s-sustanzi.
Biss biss, matul is-sena li għaddiet, l-Aġenzija Sedqa ħadmet ma’ tlett elef, mitejn u għoxrin każ ta’ dipendenza u kellha mat-tlett elef u disa’ mitt sessjoni fi skejjel u postijiet tax-xogħol biex tqajjem għarfien akbar dwar dawn ir-realtajiet.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, li tkellmet dwar il-bżonn ta’ soċjetà li tagħraf tagħder u tgħin persuni li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.
“Mhemmx Gvern, mhemmx Oppożizzjoni, mhemmx Knisja, imma inti tara li lkoll kemm aħna, ilkoll kemm huma dawk li qegħdin direttament jgħinu, jaraw kif jagħmlu minn kollox ħalli jirbħu aktar u aktar lura lejn is-soċjetà minn min ikun intrikeb mill-vizzju u jerġgħu jagħmluhom ċittadini sħaħ.” 30
B’differenza minn ċerimonji ta’ gradwazzjonijiet oħrajn, f’din l-attività, minbarra ż-żewġ residenti li lestew il-programm tal-Komunità Santa Marija, ġew rikonoxxuti wkoll diversi persuni.
Fosthom persuni mill-Addictions Community Team, klijenti tad-Detox u qraba li taw is-sapport tagħhom lill-vittmi fil-vjaġġ ta’ rijabilitazzjoni.
Dwar is-sinifikat ta’ dan, tkellem id-Direttur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri.
“Minflok qegħdin niċċelebraw biss il-persuni li jtemmu b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni f’Santa Marija, qegħdin niċċelebraw ukoll stejjer ta’ suċċess mis-servizzi kollha tal-aġenzija u, fl-aħħar mill-aħħar, ħadu s-servizz tagħna biex ħadu lura ħajjithom u llum qed jgħixu b’suċċess ’il bogħod mill-vizzji.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, sostna kif is-suċċess m’għamluhx dawk biss li temmew dan il-programm, imma dawk kollha li jerġgħu jibdewh u jipprovaw sakemm jirnexxielhom.
“Sedqa llum hi sinonima mhux biss mal-ġlieda kontra d-droga bil-programmi tagħha, imma anke l-ġlieda kontra addictions ġodda li qed jidħlu f’pajjiżna. Għalhekk l-impenn ta’ aktar riċerka u taħriġ biex inkunu nistgħu ntejbu s-servizzi.”
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali, Michael Falzon, li nnota kif stejjer ta’ suċċess bħal dawn, jgħinu persuni oħrajn biex jagħmlu kuraġġ u jersqu ’l quddiem għall-għajnuna li teżisti.