L-ammont ta’ baġit allokat biex isiru l-MRIs matul il-lejl se jiżdied minn tnejn punt wieħed miljun ewro għal tlieta punt tmienja miljun ewro. Dan se jfisser li, filwaqt li attwalment qed isiru tliet mija u ħamsa u sebgħin MRI żejda fil-ġimgħa f’dawn il-ħinijiet, issa se jibdew isiru total ta’ sitt mija kull ġimgħa.
Din l-inizjattiva, magħrufa bħala MRI Twilight Hours, se tara li jsiru wieħed u tletin elf u mitejn MRI aktar fis-sena.
Din l-inizjattiva kienet waħda mill-ewwel miżuri li ħa Gvern Laburista, meta ħa t-tmun tal-pajjiż, biex inaqqas il-lista ta’ stennija li kienet akkumulat taħt l-amministrazzjoni preċedenti, li sal-2013 kellha eluf ta’ appuntamenti jistennew.
B’din l-inizjattiva, it-testijiet tal-MRI bdew isiru fl-hekk imsejħa ‘twilight hours’, jiġifieri kmieni filgħodu u tard bil-lejl.
Issa, biż-żieda fil-baġit allokat għal din l-inizjattiva, u allura aktar testijiet li se jsiru kuljum, mistenni li, fi żmien sena, il-ħinijiet ta’ stennija jerġgħu jonqsu drastikament.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, innota kif, sal-aħħar ta’ Ġunju, kien hemm mija u tliet persuni jistennew appuntament għal MRI, li ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent.
“Bħalma għamilna ftit ġimgħat ilu u investejna f’erba’ mitt elf ewro biex nagħmlu aktar CT Scans extra, illum qed inħabbru li ħa nużaw wieħed punt seba’ miljun ewro biex nagħmlu sitt mitt MRI Scan extra fil-ġimgħa. Dan ifisser li, matul is-sena, ħa nkunu qed noffru MRI Scans għal wieħed u tletin elf persuna. Aħna dawn il-flus qed ninvestuhom fin-nies tagħna bir-riżorsi tagħna f’Mater Dei u fl-Isptar t’Għawdex.”
Illum, tnejn mill-MRIs li qegħdin fl-Isptar Mater Dei jaħdmu wieħed u għoxrin siegħa u nofs kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
It-tielet MRI fl-istess sptar, taħdem dsatax-il siegħa u nofs kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Is-Sibtijiet u l-Ħdud jiftħu skont il-pjan tax-xogħol tar-radjologi u r-radjografi disponibbli.
Fl-aħħar xhur, bdiet tintuża wkoll magna ġdida tal-MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li tintuża għal tnax-il siegħa, jumejn fil-ġimgħa. Din naqqset sew l-iskariġġ tal-Għawdxin li jiġu bżonn dan it-test, li qabel kien ikollhom jaqsmu l-fliegu biex jagħmlu dan it-test importanti.
Fix-xhur li ġejjin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex se jkollu magna ġdida u aktar avvanzata, filwaqt li magni simili se jiġu nstallati fir-Residenza San Vinċenz de Paul.