Ġiet inawgurata esebizzjoni, li tgħaqqad flimkien l-arti u l-intelliġenza artifiċjali, bl-isem ta’ ‘Tomorrow’s Blossoms: Teaching the AI of the Future about Creativity and Emotions’. Dan bil-għan li titfa’ dawl dwar il-potenzjal li jeżisti bejn l-Intelliġenza Artifiċjali u l-arti.
Fil-fatt, ġie ffirmat ukoll memorandum of understanding bejn l-aġenzija l-ġdida Xjenza Malta u l-Istitut għax-Xjenza Kreattiva u l-Arti, is-CSAI, għal aktar kollaborazzjoni, fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Il-Ministru Bonnici stqarr li esebizzjonijiet ta’ din ix-xorta juru d-diversità fl-arti.
“L-intelliġenza artifiċjali għal ħafna nies hi għodda utilista, jiġifieri b’funzjoni. Però għandha wkoll dimensjoni tajba fis-settur artistiku u kreattiv u aħna ridna li nesploraw din il-kollaborazzjoni bix-xogħol li wettqu żewġ persuni – xjenzat u artista.”
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti stqarr li permezz ta’ din l-inizjattiva qed jingħaqdu diversi elementi.
“Fil-ħidma tagħna, aħna kontinwament nippromwovu suġġetti STEM, jiġifieri x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Qegħdin nenfasizzaw ukoll li nippromwovu s-suġġetti STEAM – fejn din id-dabra qed indaħħlu l-kunċett tal-arti, hekk kif jistgħu jinstabu soluzzjonijiet li jiġu solvuti problemi permezz tax-xjenza.”