Fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet, se jirritorna l-Gozo Food Festival bis-sitt edizzjoni tiegħu, li se tittella’ fil-Pjazza tax-Xewkija bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin.
Dan il-festival se jkun mifrux fuq żewġt iljieli ta’ ċelebrazzjoni kulinari minn madwar id-dinja fejn wieħed jista’ jesperjenza t-tjubija tal-ikel Ażjatiku, il-kwalità tal-ikel Mediterranju, l-aqwa platti Ewropej u l-awtentiċità tal-ikel Għawdxi.
Fil-fatt, madwar 20 esebitur se jkunu qegħdin joffru l-aqwa ikel minn bosta pajjiżi. Din is-sena l-organizzaturi qegħdin jagħfsu ħafna fuq il-versatilità, b’aktar minn 100 platt differenti minn madwar id-dinja. Se jkun hemm ukoll żona speċjali ddedikata għat-tfal b’ikel addattat u varjetà ta’ logħob u attrazzjonijiet.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li dan hu street festival tal-ikel b’enfasi fuq l-inklużjoni, għax f’post wieħed se jintlaqtu l-gosti ta’ kulħadd.
“Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan l-avveniment kulturali li jsir ta’ kull sena, huwa esperjenza ta’ lejl Sajfi, fejn dawk kollha preżenti, li se jkunu qed jiġu ġewwa Għawdex, se jkunu qed jesperjenzaw mhux biss ikel tradizzjonali, iżda wkoll diversi cuisines minn madwar id-dinja.”
Dan il-festival, flimkien ma’ bosta attivitajiet oħrajn, li jiġu organizzati, għandhom is-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, sensiela ta’ inizjattivi li joffru valur għal min jagħżel li jżur il-gżira Għawdxija.
Is-Sindku tax-Xewkija, Simona Refalo, qalet li l-Kunsill hu impenjat biex dawn l-attivitajiet ikomplu jissaħħu.
“L-għan tagħna, bħala Kunsill Lokali huwa li nagħtu appoġġ kemm nistgħu, lill-organizzaturi u naħdmu id f’id magħhom, sabiex insaħħu l-kollaborazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna għall-ġid tal-komunità qed naħdmu. Inħeġġeġ lill-Għawdxin kollha, b’mod speċjali lix-Xewkin, sabiex jiġu jżuru dan l-avveniment tant popolari.”
Id-dħul għall-festival hu b’xejn, filwaqt li l-Malta Public Transport se tkun qed topera shuttle service mill-Imġarr Ferry Terminal għall-Pjazza tax-Xewkija.
Aktar tagħrif jinkiseb mis-sit maltainternationalfoodfestival.com.