Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għaddew aktar minn erba’ miljun passiġġier, b’żieda ta’ 18.4 fil-mija, fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra, li kienet l-akbar waħda s’issa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija ntqal li, fix-xahar ta’ Ġunju, mill-Ajruport għaddew kważi tmin mija u sittin elf passiġġier. Żieda ta’ kważi erbatax fil-mija, meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.
Bl-aktar jum bieżel ix-xahar li għadda kien fis-27 ta’ Ġunju meta vvjaġġaw 33,269 passiġġier minn jew lejn Malta.
F’Ġunju, it-traffiku tal-ajruplani żdied bi kważi ħmistax fil-mija, bis-seat load factor kienet ta’ kważi 87 fil-mija.
Intqal li s-suq Taljan baqa’ l-aktar wieħed b’saħħtu għall-mitjar Malti bi 23 fil-mija tal-passiġġieri. Anke s-suq mir-Renju Unit kien wieħed b’saħħtu, b’21 fil-mija fix-xahar ta’ Ġunju. Wara dawn is-swieq isegwu dawk mill-Ġermanja, Franza u l-Polonja.
Sadanittant, f’din l-istess stqarrija ntqal kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika pjan tat-traffiku li jindika l-aktar ħinijiet impenjattivi għall-ajruport fix-xhur tas-sajf.
Dan sar bil-għan li l-passiġġieri, li se jmorru l-Ajruport fil-ġimgħat li ġejjin, ikunu jistgħu jippjanaw aħjar il-vjaġġ tagħhom minn qabel. Dawn ġew ippubblikati fuq is-sit stess tal-Ajruport, waqt li ġew installati wkoll sinjali madwar it-terminal biex jiggwidaw aħjar lill-passiġġieri.