Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħabbar li qiegħed jappunta lis-Sur Horace Laudi fil-kariga ta’ President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) b’effett immedjat, wara r-riżenja tal-Professur Ian Refalo.
Is-Sur Laudi okkupa diversi karigi fi ħdan wieħed mill-banek lokali f’karriera ta’ 39 sena u matul dawn l-aħħar snin ġie fdat biex imexxi l-Bord tal-Għotjiet tal-Manutenzjoni tal-Istudenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni bħala Chairperson. Is-Sur Laudi mexxa ’l quddiem tibdil u titjib meħtieġ fl-operat u x-xogħol ta’ dan il-bord.
Il-Ministeru jirringrazzja lill-Prof. Ian Refalo tas-servizz tiegħu bħala President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST għas-snin li għaddew. Il-Kulleġġ huwa grat lejn il-Professur Refalo tax-xogħol siewi u bi professjonalità li wettaq għall-ġid tal-Kulleġġ u l-istudenti tal-MCAST.