Fl-aħħar sentejn, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, wettqet diversi proġetti madwar il-pajjiż kollu. Dawn kienu jvarjaw minn riġenerazzjoni ta’ spazji pubbliċi għal xogħlijiet oħrajn li saru f’siti jew postijiet pubbliċi oħrajn.
Tali informazzjoni ngħatat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Graziella Galea, li staqsiet dwar liema proġetti twettqu mill-entitajiet li jaqgħu taħtu mill-bidu tal-2023 sal-lum.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru semma kif l-MTA wettqet diversi proġetti massiċċi, fosthom ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa u l-promenade tal-Għadira, ġew stabbiliti l-British Military Walk fl-Imtarfa u mixja storika f’Ħaż-Żebbuġ, sar tisbiħ tal-Gallarija tal-Belvedere f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll sar restawr tal-Fishermen’s Shed f’San Ġiljan.
Issemma wkoll li, minbarra dan kollu, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi saru diversi xogħlijiet, partikolarment ristrutturar u rinnovazzjoni ta’ spazju mdaqqas f’sala ġdida bil-faċilitajiet għall-konferenzi, fost l-oħrajn.
Rigward il-proġett tal-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS, il-Ministru semma li dan il-proġett inbeda u diġà tlesta l-iskavar neċessarju, biex meta jitlesta jkun jista’ jilqa’ sa 2,500 student u se jkollu spazju biex joffri aktar korsijiet speċjalizzati li huma meħtieġa fl-industrija tal-lum, li sal-lum ma setgħux jiġu offruti.
Il-Ministru tenna li dan il-kampus se jkun wieħed state-of-the-art u maqsum f’diversi partijiet, b’numru ta’ restoranti u kafetteriji għat-taħriġ, disa’ laboratorji speċjalizzati tal-kċina, librerija, dormitorju, li jilqa’ aktar minn ħames mitt student, u erba’ mitt spazju ta’ parkeġġ.