Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Lulju, il-pubbliku huwa mistieden sabiex iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Floriana, waqt Open Day, biex jiġu ċċelebrati żewġ avvenimenti sinifikanti għall-Korp tal-Pulizija.
Din is-sena, il-Korp tal-Pulizija mhux biss qiegħed jiċċelebra l-mitejn u għaxar Anniversarju mit-twaqqif tiegħu, iżda wkoll is-70 sena minn meta l-Korp tal-Pulizija beda jopera minn dan il-Kwartieri Ġenerali.
Waqt l-Open Day, li tibda fid-disgħa ta’ filgħodu u tibqa’ sejra sal-erbgħa ta’ waranofsinhar, il-pubbliku se jkun jista’ jassisti għal ġurnata mimlija attivitajiet.
Se jkun hemm wirjiet mill-Police Silent Drill Team, mis-Sezzjoni tal-Klieb K9, mis-Special Intervention Unit, mis-sezzjoni tal-Kavallerija, mill-Laboratorju tax-Xjenza Forensika u mill-Banda tal-Pulizija.
Wieħed se jkun jista’ jżur ukoll ix-shelter tal-gwerra u l-mużew tal-Pulizija.
Sadanittant f’din l-okkażjoni ħejjejna xandira speċjali li se tixxandar fuq ONE nhar il-Ġimgħa fid-disgħa ta’ filgħaxija, wara li qattajna ‘Jum mal-Pulizija’ li fih żorna diversi taqsimiet.