Il-koalizzjoni bejn il-partiti tax-xellug ġabet l-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Franċiż, f’riżultat sorpriża li qaleb ta’ taħt fuq dak li kien qed jiġi mbassar sa ftit jiem qabel.
Din il-koalizzjoni, immexxija minn Jean-Luc Melenchon, tinkludi l-partit xellugi tiegħu flimkien mas-Soċjalisti, il-Ħodor u anke l-Komunisti. Ir-riżultat miksub kien jaqlibha lil dak tal-lemin estrem, li kien qed jifiraħ bl-ewwel riżultati li kienu qed jiffavuruh.
Dan wara li l-Ħadd sar it-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjoni, li l-President Franċiż Emmanuel Macron sejjaħ qabel żmienha wara r-riżultat diżastruż li kellu fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew ix-xahar li għadda.
Skont ir-riżultat uffiċjali, li tħabbar it-Tnejn waranofsinhar, il-koalizzjoni xellugija issa se jkollha 182 siġġu minn 577 siġġu fil-Parlament Franċiż. B’dan ir-riżultat jindika li din il-koalizzjoni wkoll mhux se jkollha l-maġġoranza assoluta fil-Parlament, hekk kif biex partit ikollu l-maġġoranza assoluta jrid ikollu aktar minn 289 siġġu.
Fit-tieni post fl-elezzjoni tal-Ħadd ġie l-partit tall-President Emmanuel Macron li mistenni jkollu 168 siġġu.
Dan filwaqt li, b’xokk għal kulħadd, il-partit tal-lemin estrem ta’ Marine Le Pen mistennija jikseb 143 siġġu.
Dan ir-riżultat qed jitqies bħala sorpriża, wara l-ewwel rawnd tal-elezzjoni fejn il-Partit ta’ Le Pen ġab l-akbar ammont ta’ voti u kien imbassar li se jikseb l-akbar għadd il-Ħadd ukoll, iżda spiċċa fit-tielet post. Il-lemin estrem kellu wkoll riżultati tajbin fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju.
Ta’ min jgħid ukoll li fl-elezzjoni tal-Ħadd, it-turnout żdied sew, tant li kien l-akbar wieħed mill-1981 lil hawn.
Wara dan ir-riżultat, il-Prim Ministru Gabriel Attal, li kien l-iżjed Prim Ministru żagħżugħ fl-istorja, ħabbar li se jirriżenja mill-kariga, però l-President Macron talbu li jibqa’ fir-rwol imqar għalissa biex jiżgura l-istabbiltà wara l-elezzjoni.