Żewġ bugħaddasa, li l-identità tagħhom għadha mhux magħrufa, tilfu ħajjithom wara li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu madwar 1.4 mili nawtiċi ‘il barra mill-kosta taż-Żonqor, f’Wied il-Għajn.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal kif kien għall-ħabta tal-10:30 tas-Sibt filgħodu li l-Forzi Armati ta’ Malta kienu nfurmati li kien hemm xi bugħaddasa li sabu ruħhom f’diffikultà.
Għaldaqstant, il-Forzi Armati assistew bil-bastiment tat-Tiftix u Salvataġġ, MELITA 1 u salvat lill-vittmi.
Iż-żewġ persuni ddaħħlu f’Xatt it-Tiben u ngħataw l-għajnuna minn tim mediku.
Sfortunatament, wieħed mill-bugħaddasa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara filwaqt li l-ieħor kien f’qagħda serja. Minn informazzjoni li għandu ONE News, it-tieni bugħaddas tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.