Għas-sitt sena konsekuttiva, tnediet il-kampanja ambjentali ‘Saving Our Blue’, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fuq l-impatt tal-iskart partikolarment fl-ibħra li jsawru l-kostja Maltija.
Il-kampanja għandha l-għan li tqajjem għarfien dwar il-ħsara kbira li jikkawża l-plastik u tħeġġeġ lin-nies biex tieqaf tuża prodotti li jikkawżaw dan, partikolament dawk li jintużaw darba biss.
F’attività mmirata għat-tfal, fi Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk, ġie spjegat li din il-kampanja issa qed issir appuntament annwali.
ONE News dar mal-faċilitajiet ta’ Xrobb l-Għaġin fejn rajna diversi annimali selvaġġi, bħal fkieren li, għal xi raġuni jew oħra, weġġgħu jew mardu u qed jingħataw il-kura u l-attenzjoni meħtieġa.
F’diskors waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, il-Ministru responsabb mill-ambjent, Miriam Dalli, tenniet kif, bħas-snin preċedenti, ‘Saving Our Blue’ se tkun qed tinvolvi attitivitajiet differenti ta’ tindif fil-bajjiet madwar il-gżejjer Maltin.
“Illum riedna li, permezz ta’ din l-attività,filwaqt li qegħdin inniedu l-kampanja ‘Saving Our Blue’, infehmu lit-tfal l-importanza ta’ din il-kampanja u għaliex, bil-mod ta’ kif inġibu ruħna, kull wieħed u waħda minna, billi naraw li ma nitfgħux plastik barra b’mod partikolari fuq il-bajjiet tagħna ħdejn il-baħar, billi min ipejjep jara li ma jitfax is-sigaretti fuq ir-ramel jew fuq il-bajjiet tagħna. Meta nagħmlu hekk inkunu qegħdin nipproteġu wkoll l-annimali selvaġġi, bħal fil-każ tal-baħar, il-fkieren.”
Sadanittant, din is-sena, il-kampanja qed toffri wkoll esperjenza fejn wieħed jista’ jara żoni importanti tal-ħajja fil-baħar, permezz tar-realtà virtwali.
Minbarra hekk, tinkludi wkoll logħob edukattiv dwar l-iskart li jinsab fil-baħar u s-separazzjoni tal-iskart.
Il-President Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, spjega kif, id f’id ma’ din l-inizjattiva, qed jaħdmu qatigħ kull sena biex jiġbru l-iskart minn diversi postijiet madwar il-pajjiż.
“Kull sena, flimkien ma’ ‘Saving Our Blue’, nagħmlu kampanji biex innaddfu l-bajjiet, mhux biss biex ikollna bajjiet li jistgħu jitgawdew mis-soċjetà, imma wkoll bajjiet fejn, pereżempju, jekk titla’ fekruna jew inkella l-plastik li min ma jagħtix kas jarmi fuq il-bajjiet jispiċċa fil-baħar u jispiċċa jinbela’ minn fkieren jew wisq aktar jittiekel minn ħut li, wara kollox, imbagħad inkunu qed niekluh aħna. Kif ġieli ntqal ukoll fuq is-social media, kultant inkunu qed nieklu l-pastik li narmu aħna stess.”