Kollezzjoni ta’ midalji tal-unur, li rċieva suldat Ingliż li nqatel f’pajjiżna 82 sena ilu, se tkun qed tinbiegħ f’irkant aktar tard dan ix-xahar. Din mistennija tiġbor bejn tmenin elf u mija u għoxrin elf lira Sterlina jew aktar minn mija u erbgħin elf ewro.
Din il-kollezzjoni ta’ għaxar midalji, li tagħmel parti minn kollezzjoni akbar li tkopri mal-mitejn sena ta’ storja navali, kienet tappartjeni lil-Logutenent Kmandant William Ewart Hiscock tal-Qawwa Navali Ingliża.
Hiscock, li kien minn Dorchester, serva bħala uffiċjal kontra l-mini fil-Forti Sant’Anġlu, iżda nqatel fil-Belt Valletta, flimkien ma’ martu f’rejd fi Frar tal-1942, ftit jiem biss wara li tħabbar li kien se jirċievi l-unur prestiġjuż tal-George Cross.
Fil-fatt, ir-Re Ġorġ Sitta kien ippreżenta l-midalja, li wkoll ingħatat lil pajjiżna, lil waħda minn uliedu f’ċerimonja f’Buckingham Palace fit-23 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena.