Wara s-suċċessi tal-kunċerti tal-Malta Concert Orchestra x-xahar li għadda, l-orkestra residenti ta’ Pjazza Teatru Rjal tirritorna dan ix-xahar b’żewġ kunċert daqstant spettakolari.
Fi stqarrija mill-Pjazza Teatru Rjal intqal kif l-ewwel kunċert se jsir fit-12 ta’ Lulju, il-Malta Concert Orchestra, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joe Brown se ttella’ ‘A Night at the Musicals’.
F’dan il-kunċert ser jindaqqu siltiet mill-aktar musicals popolari bħal Jesus Christ Superstar, Les Misérables, The Lion King, Miss Saigon, u The Phantom of the Opera fost l-oħrajn.
Dawn is-siltiet se jkunu interpretati mill-kantanti Ludwig Galea, Dorothy Bezzina, Lawrence Gray, Tiziana Calleja, u Neville Refalo.
Imbagħad fis-26 ta’ Lulju, il-Malta Concert Orchestra mmexxija mill-Maestro Joe Brown, se teħodna fuq vjaġġ memorabbli lura fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet permezz tal-kunċert ‘Cartoni Animati’.
F’dan il-kunċert se jindaqqu is-sigli ta’ I Puffi, Kiss me Licia, Il Grande Mazinga, u Tiger Man fost oħrajn u se jkunu interpretati minn Ritienne Azzopardi, Gloriana Arpa Belli, u Roger Tirazona.
Studenti u anzjani jistgħu jibbenefikaw minn roħs speċjali, b’dawn il-kunċerti jibdew fit-8:30pm.
Għal aktar informazzjoni dwar dawn il-kunċerti u dwar l-avvenimenti l-oħra tat-teatru wieħed jista’ jżur is-sit tat-teatru: www.pjazzateatrurjal.mt.