Il-Mediterrane Film Festival, li t-tieni edizzjoni tiegħu ntemmet b’mod spettakolari fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara ġimgħa ta’ attivitajiet mill-iżjed attraenti, kompla jħajjar lil numru ta’ produtturi barranin li ġew f’pajjiżna u issa ddeċidew li jmexxu l-produzzjonijiet tagħhom minn pajjiżi kbar biex jiġu jaħdmuhom hawn Malta.
Dan intqal mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech, f’intervista ma’ ONE News, jumejn wara li ntemmet il-festival, li rrikonoxxa fost artisti ta’ fama dinjija u qed ikompli jagħmel reklam b’saħħtu lil pajjiżna.
L-ispettaklu mifrux bejn it-22 u t-30 ta’ Ġunju, fil-fatt, ingħata rapportaġġ estensiv fuq il-midja internazzjonali, partikolarment dik li tispeċjalizza fiċ-ċinematografija.
Qal, “Through il-festival, bil-laqgħat li kellna, qed naraw ċaqliq ta’ produzzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ġejjin lejn pajjiżna. Jiġifieri din l-għodda qed ninvestu fiha, diġà b’mod immedjat qed tħalli r-riżultati tagħha.”
It-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival kien suċċess u kien akbar minn dak li seħħ is-sena l-oħra. F’pajjiżna ġew aktar minn 300 delegat u għoxrin ġurnalist internazzjonali.
Kien hemm konkorrenza qawwija fl-attivitajiet kollha organizzati, inkluż il-masterclasses, il-wiri tal-films fil-pubbliku f’postijiet, bħal Pjazza San Ġorġ u fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta, u anke fid-diskussjonijiet ma’ professjonisti li saru.
Hawnhekk Grech sostna li l-mira tiegħu hi jirdoppja l-valur li jġibu l-films fl-ekonomija Maltija, waqt li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità, waqt li dawk li huma diġà involuti qed jaħdmu matul is-sena kollha, differenti minn żminijiet oħrajn meta din l-industrija kienet topera biss b’mod staġjonali.
Qal, “L-għan tagħna hu wieħed li nkomplu noħolqu l-jobs fil-films f’pajjiżna. L-investiment li qed nagħmlu fil-festival qed ikollu impatt ekonomiku akbar minn dak l-investiment li nkunu inizjalment għamilna u għalhekk ta’ min jgħid li l-industrija tal-films qed igawdi minnha kulħadd u wkoll qed tkun mutur ekonomiku għal pajjiżna.”
Il-Kummissarju tal-Films qal li minn dan il-ġid, li qed jinħoloq fl-industrija, hemm xi ħaġa għal kulħadd, inkluż permezz ta’ screen tourism, fejn għadhom kemm ġew iffirmati żewġ ftehimiet bejn il-Kummissjoni tal-Film mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta.
Din in-niċċa timmira għal turisti li jżuru postijiet speċifiċi fejn fihom ikunu nħadmu xeni partikolari f’films kbar ta’ Hollywood.
Staqsejna lill-Kummissarju tal-Films dwar kif iħares ’il quddiem dwar din l-industrija, dan anke fil-kuntest li s-sena d-dieħla se jitfakkar il-mitt anniversarju mill-ewwel film li nġibed f’Malta fl-1925.
Qal, “L-għan tagħna hu li noħolqu a world-class film industry f’pajjiżna, fejn naraw li l-crews tagħna jkomplu javvanzaw ’il quddiem, fejn naraw li wliedna jkollhom opportunità ’l quddiem biex jidħlu f’din l-industrija tal-films, ikollhom karrieri u jkomplu javvanzaw ’il quddiem.”