Ir-riċiklaġġ f’pajjiżna żdied għal 266 fil-mija ta’ dak li kien għaxar snin ilu, filwaqt li l-użu tal-borża s-sewda naqas bi kważi terz, hekk kif pajjiżna rreġistra numri rekord ġodda fis-settur tal-iskart. Ħabbret dan, fi stqarrija, il-WasterServ fejn qalet kif meta mqabbel mal-medja tas-snin 2010 sa 2013, Malta llum qed tiġġenera 31.5 fil-mija inqas boroż suwed mid-djar.
Il-WasterServ tenniet li meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, Malta rreġistrat żieda ta’ 12 fil-mija fil-ġbir tal-iskart organiku fl-ewwel sitt xhur tal-2024, waqt li dan jiġi pproċessat fi ħdan il-kumpless ECOHIVE u jiġi kkonvertit f’enerġija.
Filwaqt li laqgħet dawn ir-riżultati, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li dawn ir-riżultati pożittivi huma grazzi għall-isforz tal-pubbliku inġenerali, li ta’ kuljum jibqa’ jagħżel li jissepara l-iskart tiegħu fid-djar.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, qal li din hi kisba importanti u tawgura tajjeb għall-ambjent Malti meta jitqies li, għal għexieren ta’ snin, bħala pajjiż konna nipproduċu ammonti eċċessivi ta’ skart mħallat mingħajr ma ġie rreġistrat l-ebda titjib.
Żied jgħid kif issa hu ċar li l-pubbliku jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċji tal-immaniġġjar tal-iskart. Minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni tagħna, l-aħħar statistika wriet li l-2023 kienet l-aqwa sena u l-indikazzjonijiet huma li l-2024 se jiġu rreġistrati riżultati pożittivi wkoll.
Il-WasteServ qalet kif is-separazzjoni tal-iskart tippermetti lill-aġenzija jkollha operat aktar sostenibbli. Fil-passat, l-iskart organiku kien jintefa’ fil-miżbliet, jiġġenera rwejjaħ, jattira l-pesti u jiġġenera għadd ta’ impatti ambjentali negattivi oħrajn. Illum, is-separazzjoni tal-iskart tippermetti li l-iskart organiku jintuża bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli li jipprovdi lil mijiet ta’ djar b’enerġija nadifa.
Dawn ir-riżultati pożittivi huma attribwiti wkoll għal investimenti infrastrutturali, inkluż tliet faċilitajiet ġodda – waħda fil-kumpless ECOHIVE u oħra f’Ħal Far, it-tnejn inawgurati s-sena l-oħra, flimkien ma’ linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ f’Marsaskala inawgurata x-xahar li għadda.
Minbarra hekk, il-bidliet fil-policies, bħall-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart u s-separazzjoni obbligatorja tal-iskart li t-tnejn ġew implimentati s-sena l-oħra, kif ukoll il-ħlasijiet ġodda għar-rimi ta’ skart kummerċjali wkoll ikkontribwew b’mod sinifikanti għal dawn ir-riżultati.