L-eks pixxina nazzjonali fiż-Żonqor, f’Wied il-Għajn, se tkun qed tibbenefika minn investiment fl-infrastruttura wara li t-titlu legali tagħha għadda b’ċens mingħand SportMalta għal Marsaskala Aquatic ix-xahar li għadda.
It-tagħrif ingħata waqt li l-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Laburista Davina Sammut Hili.
Grima nnota kif kien fi Frar li għadda li, fil-Parlament, għaddiet ir-riżoluzzjoni neċessarja biex it-titlu legali jgħaddi lill-klabb akkwatiku b’ċens għal ħamsa u erbgħin sena.
“Imma mhux biss fejn fil-baġit annwali tal-Gvern, permezz ta’ SportMalta, ħa nkunu qegħdin naraw li din l-istess faċilità sportiva ikollok investiment ulterjuri fiha.”
Il-Ministru Clifton Grima
Din l-aħbar b’hekk tgħaqqad mad-direzzjoni li kien ta l-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni din is-sena msejsa fuq proposta numru ħames mija, disgħa u erbgħin tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li tgħid kif din il-pixxina għandha tingħata lura lin-nies ta’ Marsaskala u r-residenti tal-madwar biex tintuża għal sports akkwatiku. PG152
Minnbarra hekk, lura f’April li għadda, il-Prim Ministru kien ta l-kelma tiegħu biex dan l-investiment jimmaterjalizza mill-aktar fis.
“Il-kelma li se nagħti hawnhekk lill-komunità kollha ta’ Wied il-Għajn hi li, malli jingħalaq il-proċess Parlamentari biex bih l-art u l-pixxina tingħata lill-komunità, jien ma rridx li nibqa’ nara l-pixxina fl-istat li qegħda llum u allura minn hemmhekk jitlaq proċess biex nagħtu pixxina state-of-the art lill-komunità ta’ Wied il-Għajn ħalli tkun tista’ tintuża mill-isportivi kollha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan mhux l-uniku każ fejn it-titlu legali ngħata lil xi klabb li jagħmel użu mill-faċilità biex ikun jista’ jippjana aħjar b’mod strateġiku l-investimenti tiegħu u b’hekk ikabbar l-operat, filwaqt li jgħolli l-livell tas-servizz provdut.
Każi oħrajn jinkludu l-klabb tal-futbol tal-Marsa, Lija Athletics, Siġġiewi, Gudja, Victoria Hotspurs, Birkirkara, Luqa St. Andrews, Ħamrun Spartans, Xewkija, Naxxar Lions, Birżebbuġa u l-klabb akkwatiku Otters f’Għawdex.