Pajjiżna reġa’ ġie ċċertifikat bl-aqwa servizzi pubbliċi diġitali li jeżistu fost l-istati fl-Ewropa kollha kemm hi, tant li ġie kklassifikat fl-ewwel post fejn jidħol l-eGovernment.
Dan joħroġ mir-rapport Ewropew ‘eGovernment Benchmark 2024’, li hu magħmul minn konsulenti indipendenti mqabbdin mill-Kummissjoni Ewropea biex janalizzaw u jikklassifikaw is-servizzi governattivi li jeżistu onlajn fis-sebgħa u għoxrin stat tal-Unjoni Ewropea u għaxar pajjiżi oħrajn Ewropej.
Minn dawn kollha, pajjiżna ġab l-ogħla punteġġ b’sebgħa u disgħin fil-mija, li hu aqwa minn dak li nkiseb is-sena li għaddiet. Din is-sena, Malta baqgħet segwita mill-Estonja bi tnejn u disgħin fil-mija u b’disgħin fil-mija għal-Lussemburgu.
Dan filwaqt li l-medja tas-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea hi ta’ sitta u sebgħin fil-mija, jew wieħed u għoxrin perċentwal inqas minn pajjiżna.
Dan l-istudju jiddetermina l-punteġġ fuq erba’ binarji, kemm is-servizz għandu fiċ-ċentru tiegħu liċ-ċittadin, it-trasparenza, kemm jagħmel affarijiet possibbli u servizzi cross-border biex b’hekk jiddetermina kemm l-amministrazzjonijiet pubbliċi joffru s-servizzi tagħhom b’mod effettiv.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, stqarr kif dan hu ċertifikat ieħor li jikkonferma l-livell għoli tas-servizzi pubbliċi ta’ pajjiżna u tal-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi.
Hawn irrimarka kif b’rabta ma’ dan il-fatt, ġiet diskussa t-tema tal-ħiliet li jibqgħu jevolvu mat-teknoloġija, fl-Expo għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irreaġixxa għall-aħbar u, permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, irrimarka l-aspetti ta’ dan l-istudju bħala l-aspetti li jħaddan pajjiżna biex jibqa’ minn ta’ quddiem fejn tidħol esperjenza diġitali pożittiva għal kulħadd.
🇲🇹's Public Service leads with a 97% score in EU #eGovernment Benchmark, solidifying our #digitalleadership. Advanced maturity, user-centricity, transparency, and cross-border services pave the way to a seamless digital experience for all.@EU_Commission @PublicServiceMT
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 2, 2024