Ġermaniż ta’ 14-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza fis-Swieqi.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Sant’ Andrija.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li l-vittma ntlaqat minn Dacia Logan li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 59 sena residenti r-Rabat.
Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat Dr Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.