Dan kien l-ewwel reklam tal-Walkman, li kien inħoloq u beda jiġi mmanifatturat mill-kumpanija Sony, waqt li ħareġ għall-bejgħ għall-ewwel darba 45 sena ilu, proprju fl-1 ta’ Lulju tal-1979.
Dak li għal ħafna kien mod innovattiv ta’ kif jisimgħu l-mużika fejn iridu, għal oħrajn kien fisser rivoluzzjoni, li tat bidu għat-teknoloġija kif nafuha llum, inkluż bl-użu tal-headphones fil-pubbliku.
Sa għaxar snin wara t-twelid tiegħu, kienu nbiegħu madwar mitt miljun Walkman madwar id-dinja kollha. Sal-1999, il-bejgħ kien jaqbeż il-186 miljun. Fi ftit snin, il-bejgħ tal-cassettes beda jiżboq il-bejgħ tal-vinyls, l-aktar medium popolari għad-daqq tad-diski sa dakinhar.
Minkejja dan, ir-relevanza tal-Walkman, bdiet kulma jmur tnaqqas, bl-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet ġodda, bħalma kienu s-CD Players, bil-bejgħ tas-CDs jispiċċa jaqbeż dak tal-cassettes fl-1991.
Eventwalment, minkejja l-iżviluppi kollha, anke f’verżjonijiet dejjem innovattivi tal-Walkman, il-produzzjoni tiegħu twaqqfet fil-Ġappun fl-2010, waqt li l-aħħar mudell ta’ cassette player fl-Istati Uniti ħareġ fl-2004.
Dwar din il-parti fl-istorja tal-evoluzzjoni mużikali u l-modi li żviluppaw, anke bl-introduzzjoni tal-Walkman, tkellimna ma’ min anke esperjenza tali rivoluzzjoni mill-qrib ħafna.
William Damato, f’isem Damato Music Store fil-Belt Valletta, l-eqdem ħanut tad-diski fid-dinja, qalilna li r-relevanza tal-Walkman kienet waħda kbira.
Qal, “Kien compact u inti, fl-istess ħin, stajt toħroġ il-mużika li tagħżel inti miegħek barra mid-dar u kienet xi ħaġa rivoluzzjonarja. Kien hawn craze kbira. Kienet aċċessorju.”
Hu spjegalna wkoll il-perkors li ħadet din ir-rivoluzzjoni mużikali – mill- Walkman għas-CD u lura għall-vinyls.
Qal, “Mill-cassette, imbagħad, ħareġ is-CD. Wara s-CD erġajna morna lura għall-vinyl. Il-mużika kienet ħadet daqqa mhux ħażin minħabba l-internet downloads, back in the early century, iżda bis-saħħa tal-vinyl, il-mużika reġgħet bdiet tinbiegħ.”