L-aġenzija tal-Gvern, Infrastructure Malta, ħabbret pjan biex torganizza aħjar it-traffiku fiż-żona tal-Barrani, f’Ħal Tarxien u f’Bulebel.
Dan il-pjan se jindirizza l-ħames junctions fiż-żona msemmija u se jara l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal tat-traffiku li huma integrati ma’ xulxin biex l-immaniġġjar tat-traffiku jkun aktar effettiv.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini ta’ Infrastructure Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Ivan Falzon spjega li dawn ix-xogħlijiet se jsiru fix-xhur tas-sajf b’investiment ta’ aktar minn miljun u mitejn elf ewro, u se tintuża l-infrastruttura eżistenti biex jiġi indirizzat dak li qed idejjaq lir-residenti.
Dan l-intervent se jwassal għal titjib fil-konnessjonijiet diretti bejn l-irħula tal-madwar, filwaqt li jnaqqas it-traffiku fil-qalba tal-irħula.
Il-Perit Raphael Abdilla spjegalna x-xogħlijiet maġġuri li se jkunu qed isiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Qal, “Bażikament il-proġett ħa jaqbad il-junctions f’Tal-Barrani u t-toroq li jmissu magħha bħal Triq il-Palma f’Ħal Tarxien kif ukoll Triq San Anard lejn Bulebel u hemm Triq il-Ħotba iktar ’l isfel li tiżbokka min-naħa taż-Żejtun jew Bulebel lejn Tal-Barrani. Ħa jkunu qed jiġu updated it-tliet junctions b’sistema ta’ traffic lights ikkordinati flimkien allura ħa jkun hemm inqas stennija u l-lights ħa jkunu limitati għal żewġ phases, jiġifieri tieqaf tistenna darba flow tgħaddi u jkun jerġa’ jmiss lilek.”
Dawn ix-xogħlijiet ħa jkollhom żewġ benefiċċji ewlenin.
Qal, “Se jiġi wkoll upgraded il-junction bejn Triq Ħal Tarxien, Triq San Anard, biex niftehmu li hija pjazza ta’ asfalt illum, fejn ma tantx hija kkontrollata u hija wieħed mill-ħruġ ta’ Ħal Tarxien, allura l-benefiċċji ta’ dal-proġett ħa jkunu kemm ir-rotot ewlenin – min qed jaqsam mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u viċi-versa, kif ukoll l-irħula tal-madwar ħa jkollhom aċċessibilità aħjar.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, spjega kif dan il-proġett se jsaħħaħ is-sigurtà.
Qal, “Kif għamilna f’postijiet oħra bħal Pembroke fi Triq Sant Andrija, iċ-Ċirkewwa, u issa llum dħalna fid-dettall f’Tal-Barrani, qegħdin nagħmlu dawn l-interventi biex inżidu s-sigurtà ta’ kull min juża l-akkwati. Huwa fl-interess tagħna li bl-interventi li nagħmlu, innaqqsu l-konġestjoni u norganizzaw aħjar l-akkwati u ntejbu s-sigurtà.”
Ix-xogħlijiet mhux se jirrikjedu l-għeluq ta’ toroq prinċipali għal ħinijiet twal, u meta jkun hemm bżonn li jingħalqu xi toroq, dan se jsir f’ħinijiet off-peak, l-aktar matul il-lejl.
L-intervent mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin u jispiċċa qabel tibda l-iskola lejn l-aħħar ta’ Settembru.