Iktar minn 150 delegat minn 42 pajjiż Ewropej se jkunu f’Malta din il-ġimgħa biex jindirizzaw is-sitwazzjoni urġenti tal-faqar tat-tfal u l-inklużjoni soċjali bħala parti mill-Konvenzjoni tan-network ta’ Eurochild.
Il-konvenzjoni ta’ Eurochild qed tirritorna f’Malta wara 17-il sena u tirrikonoxxi l-isforzi kbar ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society favur id-drittijiet tat-tfal.
Eurochild – l-akbar network ta’ organizzazzjonijiet dwar id-drittijiet tat-tfal fl-Ewropa, tirrapreżenta 211 organizzazzjoni u individwi li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal, u ppreseduta mill-fundatriċi u chairperson tal-MFWS, Marie-Louise Coleiro Preca.
“Il-faqar fost it-tfal huwa reali ħafna u l-għan tagħna huwa li nipprovdu kontribut tanġibbli lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej biex jindirizzaw l-ostakli li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom għall-ikel, l-edukazzjoni, l-aċċess għas-saħħa u l-ambjent sikur, fost oħrajn”, qalet is-Sinjura Coleiro Preca.
“Ma jistax ikollok komunitajiet sostenibbli sakemm il-faqar tat-tfal jippersisti – dan sempliċement iwassal għal kunflitt.”
Il-konvenzjoni ta’ jumejn, li tibda għada, se tiġi indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, ir-Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Najat Maalla, kif ukoll rappreżentanti tal-UE u l-Kunsill tat-Tfal ta’ Eurochild.
Il-konvenzjoni qed tiċċelebra wkoll l-għoxrin sena anniversarju ta’ Eurochild u l-għaxar anniversarju tal-MFWS.
Malta, żiedet tgħid, għamlet passi kbar fil-parteċipazzjoni tat-tfal u filwaqt li din kienet opportunità għall-gżira biex turi l-aħjar prattiċi tagħha fil-ħidma tagħha ma’ komunitajiet ta’ tfal vulnerabbli, xorta baqa’ ħafna investiment u xogħol xi jsir.
Dan l-avveniment kollaborattiv se jitfa’ wkoll dawl fuq il-qawwa trasformattiva tal-iżvilupp tas-snin bikrin biex jitkisser iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ żvantaġġ. Fil-fatt, l-Early Childhood Development Association se tkun qed toffri għarfien espert waqt din il-konferenza.
Matul il-jumejn li ġejjin, il-Kunsill tat-Tfal ta’ Eurochild preżenti se jkun qed jgħaddi l-mandat lill-Kunsill il-ġdid għas-sentejn li ġejjin.