Żieda kontinwa fil-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna wasslet biex, fʼJannar ta’ din is-sena, l-għadd ta’ persuni fuq il-kotba ta’ JobsPlus kienu jgħoddu għal aktar minn mitejn u ħamsa u tmenin elf full-time waħedhom.
Dan grazzi għal żieda ta’ sebgħa punt tlieta fil-mija jew żieda ta’ aktar minn dsatax-il elf full-timer fuq sena qabel, fil-maġġoranza assoluta tagħhom fil-privat.
Fil-fatt għal kull tmintax-il impjieg li żdied fil-privat, wieħed biss żdied mas-Settur Pubbliku, tant li l-privat irreġistra żieda komplessiva ta’ aktar minn tmintax-il elf.
Fost l-impjiegi full-time, l-akbar żidiet ġew irreġistrati fis-servizzi tal-akkomodazzjoni u l-ikel u dawk amministrattivi u taʼ sostenn.
Fl-istess xahar, l-impjiegi rreġistrati bħala part-time żdiedu bʼsitta punt ħamsa fil-mija jew elf, tliet mija u tlieta u tletin fuq l-istess perjodu fl-2023, filwaqt li dawk fejn il-part-time hu l-impjieg ewlieni tagħhom żdiedu b’erbgħa fil-mija.
L-oqsma li l-aktar wasslu għal din iż-żieda kienu l-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u s-settur tat-trasport u l-ħażna.
L-għadd taʼ persuni rreġistrati li jaħdmu għal rashom full-time telaʼ b’madwar tmin mija mqabbel maʼ Jannar 2023.