Il-Ħadd filgħaxija ntemmet it-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival, biċ-ċerimonja tal-Golden Bee Awards, li saret fil-Forti Manoel u kienet ippreżentata minn David Walliams.
Il-kittieb-direttur rebbieħ tal-BAFTA u nominat seba’ darbiet għal Oscar, Mike Leigh ingħata l-premju tal-Career Achievement Award, waqt li l-Lifetime Achievement Award ingħata lill-Kordinatriċi tal-Produzzjoni veterana, Rita Galea.
Din iċ-ċerimonja kienet tinkludi s-sehem ta’ artisti internazzjonali Calum Scott, it-tenur Malti Joseph Calleja, l-Orkesta Golden Bee u kor tat-tfal.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-President Myriam Spiteri Debono. F’diskors tal-okkażjoni, hi enfassizat dwar kif il-promozzjoni kontinwa tal-industrija tal-films hi ta’ importanza primarja.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech sostna li t-titjib tal-ħiliet u l-attrazzjoni ta’ aktar films lejn pajjiżna huwa essenzjali.
Dan l-avveniment f’Malta ġie rrapportat ukoll dwaru mill-midja internazzjonali, li tawh prominenza minħabba n-numru ta’ artisti dinjija li ġew f’pajjiżna.