Il-Ministru Clayton Bartolo ċaħad allegazzjonijiet li ċ-ċerimonja tat-tieġ tiegħu saret minn fondi pubbliċi. Dan, fost l-oħrajn, mill-ADPD, li talab investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali, u esponenti tal-Partit Nazzjonalista fuq il-midja soċjali.
Minkejja dan, il-Ministru Bartolo sostna li tali allegazzjonijiet huma bla bażi u ċ-ċerimonja tħallset minnu u minn martu. Tenna li ma xtaqx li t-tieġ tiegħu jispiċċa ballun politiku.
Waqt li spjega l-fatti, il-Ministru Bartolo qal li ċ-ċerimonja saret f’post pubbliku f’Manoel Island, fejn intalbu l-permessi kollha neċessarji.
Minbarra hekk, spjega li dak kollu, li ntuża f’din iċ-ċerimonja, jiġifieri d-dgħajjes u l-barkun, is-sound, il-fjuri, it-tapit, is-siġġijiet u l-mejda tħallsu minnu u minn martu u “ma ntuża assolutament xejn mill-armar li kien hemm għall-Mediterrane Film Festival”.
Tenna li se jkun qed jikkollabora u juri dan kollu lill-Awditur Ġenerali, meta jitolbu biex jipprovdi l-informazzjoni neċessarja.
F’din il-kitba, il-Ministru Clayton Bartolo qal li “sfortunament hawn min jaħseb li, għax tkun ministru, ifisser li inti kriminal” u li sfortunatament “wasalna f’punt fejn lanqas il-ħajja privata tiegħek ma jħalluk tgħix, għax jibdew iqajmu d-dubji u s-suspetti mingħajr ma jkunu jafu l-fatti, u mingħajr ma tiġihom id-diċenza bażika li jistaqsu għall-informazzjoni.”