Il-partit tal-lemin estrem ta’ Marine Le Pen ġab l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni bikrija fi Franza, li saret tul il-jum tal-Ħadd.
Dan hekk kif il-partit ‘Rassemblement National’ ġab aktar minn 33% tal-voti.
Wara l-partit ta’ Le Pen, b’aktar minn 28% tal-voti ġiet koalizzjoni tal-partit tax-xellug bl-isem ta’ ‘Front Populaire’, dan filwaqt li l-koalizzjoni tal-President Franċiż Emmanuel Macron bl-isem ta’ ‘Ensemble’ ġabet biss 21% tal-voti.
Dan ir-riżultat tal-Ħadd qed jitqies storiku għal-lemin estrem, hekk kif huma qatt qabel ma rebħu l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet f’dan il-pajjiż.
Macron kien sejjaħ din l-elezzjoni ġenerali wara d-disfatta li kellu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem Jordan Bardella, li għandu biss 28 sena, qal qed iħares ’il quddiem biex ikun Prim Ministru tal-poplu Franċiż kollu.
Marine Le Pen u Jordan Bardella qed jimmirraw li għat-tieni rawnd ta’ elezzjonijiet li se jsiru nhar il-Ħadd li ġej ikollhom il-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet fil-Parlament Franċiż.
Fl-elezzjoni tal-Ħadd ukoll kien hemm l-akbar turnout ta’ dawk li ħarġu jivvotaw f’dawn l-aħħar tletin sena.