Għall-ħabta tas-14:15, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi taż-Żonqor, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li żewġ bugħaddasa nisa sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu qed jogħdsu.
Minn informazzjoni, li għandu ONE News, jirriżulta li l-ewwel għajnuna ngħatat minn Malti li nzerta fuq dgħajsa fil-viċin meta sema’ persuna tgħajjat għall-ajjut. Wara li tella’ liż-żewġ bugħaddasa abbord, u stennew l-assistenza, ir-raġel amministra l-Ewwel Għajnuna fuq il-mara li kienet fl-agħar qagħda, tant li allegatament kellha d-demm ħiereġ minn ħalqha.
Ftit wara intervjenew il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li, min-naħa tagħhom, tellgħu lill-bugħaddasa l-art fejn tim mediku beda jassistihom u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Aktar tard, waħda minnhom, li hija miċ-Ċina u għandha 32 sena, kienet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief, filwaqt li l-oħra, li l-identità tagħha għadha mhix magħrufa, kienet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.