Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-proġett li se jara faċilità ġdida għas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, b’investiment ta’ tletin miljun ewro.
Dan il-proġett qed jitwettaq mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi flimkien mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, u mistenni joffri servizzi ġodda mill-faċilità l-ġdida.
Fi żjara li għamel il-Ministru għas-Saħħa, intqal kif dan iċ-ċentru se jappoġġja l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li se jippermettu l-iżvilupp ta’ strateġiji terapewtiċi ġodda bħal laboratorji għall-ipproċessar tad-demm, ittestjar tad-demm, mikrobijoloġija u kontroll tal-kwalità, kif ukoll faċilitajiet li jippermettu manipulazzjoni taċ-ċelloli.
Is-servizzi l-ġodda se jinkludu wkoll faċilitajiet ta’ Tissue Typing, servizzi bankarji taċ-ċelloli staminali u tal-mudullun.
It-Tissue Typing jintuża biex iqabbel pazjenti u donaturi għat-trapjanti tad-demm tal-mudullun jew tal-kurdun.
Il-Ministru Jo Etienne Abela stqarr kif il-maġġoranza assoluta tal-fondi għal dan il-proġett huma fondi Ewropej.
“Il-proġett tal-bank tad-demm u t-tessuti bijoloġiċi ġewwa San Ġwann qiegħed jieħu sura ġmielha. Dan huwa proġett ta’ tletin miljun ewro, ħamsa u għoxrin minnhom mill-fond ta’ rkupru u reżiljenza, fondi Ewropej. Aħna qed nistennew li dan il-proġett jitlesta u jiġi handed over fl-aħħar quarter tas-sena li ġejja.”