Nertil Rranci, Albaniż ta’ 37 sena, inżamm arrestat, mixli b’diversi akkużi fil-konfront tal-eks-sieħba tiegħu.
Huwa ġie mixli li xerred filmati sesswali tagħha fuq Tiktok, li kkawża biżà lilha u lill-familjari tagħha, u li ffastidjaha – fosthom billi segwiha.
Huwa ġie mixli wkoll b’falsifikar ta’ dokumenti, hekk kif kien imkeċċi minn pajjiżna, u beda juża isem falz.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, intqal, kif l-imputat kien mar isegwi lill-vittma u saħansitra qabżilha fil-karozza.
Konsegwentament, hija kienet marret tagħmillu rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
F’dan l-istadju id-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest, u b’hekk l-imputat inżamm arrestat.
Ritratt: Nick Barclay / The Verge