L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, ippubblika rapport li jkopri attivitajiet relatati ma’ awditjar fuq entitajiet tal-Gvern, fosthom il-Korp tal-Pulizija.
L-iskop tal-eżeċizzju fil-kuntest tal-Korp tal-Pulizija kien li jsegwi u jirrapporta fuq kontrolli interni eżerċitati mill-Korp, b’rabta man-nefqa fuq sahra u allowances.
L-eżerċizzju ta’ awditjar oriġinali kien twettaq mill-NAO fl-elfejn u għoxrin, meta semma oqsma li kienu jeħtieġu titjib.
Fir-rapport ta’ follow-up li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem, l-NAO kopra t-tmien oqsma kollha ta’ nuqqasijiet oriġinarjament identifikati fl-eżerċizzju tal-elfejn u għoxrin, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet rispettivi u kkonferma li l-Korp implimenta mija fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet tal-NAO.
Fi stqarrija tal-Pulizija ġie nnotat kif ir-rapport, fost l-oħrajn, ifaħħar l-introduzzjoni tal-Istaffing & Major Events Unit. Dan il-Unit jamministra sistema waħda diġitali u ċentralizzata dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħinijiet tax-xogħol tal-membri tal-Korp, inkluż is-sahra.
L-NAO jikkummenta wkoll b’mod pożittiv dwar il-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju tal-Awditjar Intern tal-Korp, li permezz tiegħu ssaħħew ir-rakkomandazzjonijiet marbuta mad-diġitalizzazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani.
Fil-konklużjonijiet tar-rapport, l-NAO nnota b’mod pożittiv l-isforzi tal-Korp fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha, b’tali mod li tejbu l-preċiżjoni u t-trasparenza fir-rigward tar-reġistrazzjoni tas-sigħat tax-xogħol u l-ipproċessar tal-pagi.
L-istqarrija tal-Pulizija qalet li dan kollu jixhed l-impenn tal-Korp fl-aħħar snin li jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività fl-operat tiegħu filwaqt li jagħti prijorità lill-prinċipji ta’ governanza tajba.
L-istqarrija temmet ittenni l-impenn li l-Korp jibqa’ jipprovdi servizz professjonali u fdat biex jiżgura pajjiż sikur fi sħubija mal-komunità.