Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, fetħu b’mod uffiċjali l-attivitajiet b’rabta mal-festa pubblika u tradizzjonali tal-Imnarja. Din is-sena waqt il-ftuħ ta’ din l-edizzjoni kien hemm preżenti wkoll il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Il-ftuħ uffiċjali sar eżattament wara l-parata tal-karrettuni u l-karozzini mis-Saqqajja sal-Buskett. L-attivitajiet se jaraw li jkomplu jippromwovu dak kollu li huwa minsuġ fil-kultura Maltija u li huwa assoċjati ma’ din il-festa. Fost l-oħrajn insibu l-frott u l-ħxejjex tal-bdiewa, is-snajja’, il-bhejjem tar-raħħala Maltin u Għawdxin, il-logħob u l-ikel tradizzjonali, u anke l-għana.
F’diskors li għamel, il-Ministru Anton Refalo ddeskriva l-festa tal-Imnarja bħala vetrina lokali. “Din hija festa importanti fil-kalendarju kulturali Malti u saħansitra l-akbar festa agrarja tas-sena, li hija mera tal-bżulija tar-raħħala u tal-bdiewa Maltin u Għawdxin. Din il-festa hija opportunità oħra biex inkomplu nippromwovu s-settur agrikolu u l-prodott lokali, u b’hekk inkomplu nilħqu l-mira tagħna li nservu ta’ spalla għall-bdiewa u għar-raħħala Maltin u Għawdxin.” Hawnhekk il-Ministru Refalo elenka wkoll għall-ħidma li wettaq il-Gvern f’dan il-qasam, fosthom ir-Riforma tal-Qbiela, l-iskemi finanzjarji biex itaffu mill-piżijiet li ġabet magħha x-xena internazzjonali, u miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej miksuba u allokati, li minnhom qegħdin igawdu l-bdiewa u r-raħħala, fosthom dawk żgħażagħ.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tkellmet dwar l-importanza ta’ pjattaformi bħal din tal-Imnarja li tippermetti lill-viżitaturi jduqu t-tjieba tal-prodotti lokali offruti mill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. “Il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin tippermetti lilna ċ-ċittadini li jkollna prodott frisk, ġenwin, u ta’ kwalità tajba ħafna. Għalhekk għandna mhux biss napprezzaw dan ix-xogħol li jsir, iżda nagħmlu użu minnu sabiex ninkoraġġixxu aktar ħidma fis-settur,” żiedet tgħid is-Segretarju Parlamentari. Hija għalqet billi rringrazzjat lill-organizzaturi kollha u stiednet lil kull min jixtieq jiġi jgawdi mill-ikel, tradizzjonijiet, u anki mill-kompetizzjonijiet tal-annimali, sabiex iżur din il-festa flimkien mal-familja tiegħu.
F’Jum l-Imnarja fil-Buskett isiru bosta kompetizzjonijiet u esebizzjonijiet, logħob u ikel tradizzjonali, kant, daqq u l-għana, rokna tar-ritratti marbuta mat-tema tradizzjonali tal-Imnarja u anke jingħataw il-premjijiet.