Għal sena oħra, Heritage Malta nediet il-Programm tas-Sajf tal-Istudenti li se jerġa’ joffri staġun mimli attivitajiet fl-isfond ta’ tagħlim u esperjenzi edukattivi marbuta mal-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Dan il-programm jikkonsisti f’dsatax-il attività, iffukati fuq it-tema tal-baħar li se jittellgħu bejn Lulju u Settembru. B’hekk l-attivitajiet huma ntiżi li jkattru aktar kuxjenza fost iż-żgħar dwar l-importanza li l-ibħra u l-oċeani jiġu mħarsa.
L-Assistent Maniġer tat-Taqsima tal-Edukazzjoni u l-Outreach, ta’ Heritage Malta, Vanessa Ciantar spjegat aktar dwar l-attivitajiet li mistennija jsiru.
“Għandna attivitajiet fejn ħa nitkellmu kemm fuq l-annimali tal-baħar kif ukoll il-kultura li nsibu taħt il-baħar. Il-programmi huma adattati għal etajiet vajri, qed nirrepertu l-istess sessjoni kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż għal min forsi għandu diffikulatjiet jew għadu ma tgħallimx il-lingwa u aħna dejjem inħeġġu li adult jiġi mat-tfal b’hekk it-tnejn li huma jitgħallmu flimkien b’mod informali.”
Dawn l-attivitajiet, filwaqt li joffru esperjenzi diversi lit-tfal, jisfruttaw bl-aqwa mod il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici nnota kif issa li bdew il-vaganzi tas-sajf, huma bosta l-ġenituri li jkunu jixtiequ joffru esperjenzi interessanti għal uliedhom, li jservu wkoll ta’ sors ta’ tagħlim.
“Aħna bħala Heritage Malta qed inniedu programm ta’ 19-il avveniment mifrux fuq tliet xhur u li għandu l-għan li jipprovdi dan is-servizz lit-tfal li jgħixu f’pajjiżna biex ikomplu jitgħallmu anki fix-xhur tas-sajf, it-tema ta’ din is-sena se tkun dik tal-baħar. M’għandix dubju li dan il-programm se jinżel tajjeb ħafna mat-tfal u anki mal-ġenituri.”
Dawn l-attivitajiet, li se jittellgħu f’ambjent sigur u kkontrollat, għandhom spazju limitat. Għalhekk, il-ġenituri huma mħeġġa jaħsbu kmieni biex jaċċertaw post għal uliedhom.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit ta’ Heritage Malta.