Investigazzjonijiet bla waqfien b’rabta ma’ numru ta’ serqiet ta’ pickpocketing, wasslu biex tard il-Ħamis filgħaxija ġiet arrestata Rumena ta’ 41 sena.
Il-mara tifforma parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq pickpocketing fuq persuni li jinġabru f’postijiet turistiċi, sabiex jużaw il-folla bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li bejn it-8 u t-23 ta’ Ġunju, il-mara wettqet aktar minn 20 serqa.
Fil-mira tagħha kellha turisti, l-iktar fil-Belt Valletta, l-Imdina u San Pawl il-Baħar, fejn kienet tisraq il-kartieri jew portmonijiet bil-flus.
B’kollox insterqu madwar €7,000 fi flus kontanti minn fuq il-vittmi.
L-investigazzjonijiet wasslu biex ġiet stabbilita l-identità tal-mara.
Hija ġiet arrestata l-Ħamis, fl-ajruport, hekk kif kienet se tipprova titlaq mill-pajjiż.
Il-mara qiegħda tinżamm arrestata il-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, u se titressaq il-Qorti aktar tard illum quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia.