Id-“donazzjonijiet” ta’ db Group lill-Partit Nazzjonalista fi ħlas ta’ pagi ta’ uffiċjali u għotjiet oħra jeċċedu €500,000 fuq medda ta’ ftit snin.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd li qalet kif persuni mill-Partit Nazzjonalista li tkellmu magħha qalu li minkejja l-bluff ta’ Simon Busuttil waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li se jrodd lura l-flus, sa issa ma tax imqar ċenteżmu lura. Kien ftit wara li nkixef li kien qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti li l-Kap Nazzjonalista qal fuq Net Television li se jirritorna l-“l-flus maħmuġin.” Iżda, nistgħu nikkonfermaw li sa issa ma ta xejn lura.
L-istess gazzetta kwotat informazzjoni li tgħid fil-Partit Nazzjonalista hemm rabja għal Simon Busuttil għall-mod kif daħħal lill-partit f’ħajt politikament u finanzjarjament.
Nhar il-Ħadd li għadda filgħodu fil-fatt Simon Busuttil ipprova jdawwar il-fatt li Mario De Marco kien imħallas bħala konsulent legali minn db Group f’opportunità u qal li talab lil De Marco jirreżenja mix-xogħol li għamel lil din il-kumpanija. Imbagħad infexx jgħajjar lil din il-kumpanija li investiet miljuni fis-snin li għaddew u ddeċidiet li tkompli tinvesti taħt dan il-Gvern ukoll.
Madankollu, waqt li Busuttil infexx f’tgħajjir fuq db Group, u qal li ġiegħel lil Mario De Marco jitlaq minn konsulent tal-grupp jew Viċi Kap hu stess kien jaf li db Group kienu qed iħallsulu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u tas-CEO Brian St John.
F’SMS li rċieva l-Ħadd waranofsinhar Simon Busuttil, db Group talbu laqgħa miegħu. Fi kliem Busuttil dan biex jirritorna lura dak kollu li tad-db ntalbu jingħataw. SMS li ma niżel xejn tajjeb minn Busuttil. Ftit wara mar jiġri fuq NET TV u kixef dan il-fatt u pprova jagħti x’jifhem li ma għandux obbligi ma’ db Group. Madankollu ftit tal-ħin wara db Group kixfu li huma kienu ntalbu mill-ogħla uffiċjali tal-PN biex jiffinanzjaw il-pagi ta’ Rosette Thake u Brian St John.
Db Group żiedu li kien sa lejlet dan it-teatrin kollu li l-PN talab biex jitħallsu l-pagi ta’ dawn it-tnejn.
Iktar tard fil-ġimgħa ONE News kixef fatt kruċjali fl-istorja kollha li sal-lum għadu mhux miċħud. Kien Simon Busuttil stess li ftit wara li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa ma’ negozjanti u esiġa li dawn iħallsu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali. Sena wara Busuttil reġa’ laqqa’ lill-istess negozjanti biex jitlobhom iħallsulu wkoll il-paga tas-CEO.
Dan il-fatt mhux talli ma ġiex miċħud, iżda saħansitra ssaħħaħ wara li l-eks Segretarju Ġenerali Chris Said u s-Segretarju Finanzjarju tal-PN Alex Perici Calascione t-tnejn li huma ħaslu jdejhom u qalu li ma kinux involuti.
Mario De Marco min-naħa l-oħra giddeb lil Busuttil meta qal li ma kienx Busuttil li talbu jirreżenja mix-xogħol ma’ db Group.
Iżda kien hu li qallu żmien ilu b’dan ix-xogħol li qed jagħmel mal-grupp u li kien hu li ssuġġerixxa li jirreżenja minn dan ix-xoghol.
Sal-lum, il-Partit Nazzjonalista għadu jitkellem biss fuq x’ħa f’donazzjonijiet fl-2016. Dan wara li db Group kixef u giddeb lill-PN meta ddikjaraw li taw lill-PN €76,000.
Id-donazzjonijiet fis-snin ta’ qabel kienu iktar. Madankollu Busuttil meta mistoqsi qal li lilu mill-partit qalulu biss x’ingħataw donazzjonijiet fl-fl-2016. Xi ħaġa li ftit tista’ titwemmen għax bħala Kap li nnegozja u ħoloq Skema Pagi PN kien jaf bl-eżatt x’taw db Group matul is-snin u li dawn jammontaw għal €500,000 minn sors wieħed biss.