Fl-2022, l-allokazzjoni finanzjarja rikurrenti żdiedet b’disgħin miljun ewro, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan ħareġ minn statistika ġdida maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ffokat fuq il-protezzjoni soċjali f’pajjiżna.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali nnotat kif pajjiżna kompla jsaħħaħ l-investiment soċjali biex jagħti l-għajnuna meħtieġa lil kull individwu li jkun fil-bżonn ta’ protezzjoni soċjali.
Intqal ukoll li din iż-żieda fil-protezzjoni soċjali teskludi l-investiment li sar mill-Gvern fuq supplimenti u benefiċċji marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 fl-istess perjodu.
Fis-sentejn ta’ qabel, jiġifieri fl-2020 u fl-2021, minbarra l-introduzzjoni jew titjib ta’ għexieren ta’ benefiċċji u miżuri soċjali, il-Gvern kien investa bis-saħħa biex jissalvagwardja l-interessi u l-impjiegi ta’ eluf ta’ persuni fil-pandemija.
Fis-sena 2022, din in-nefqa naqset b’mod konsiderevoli, tant li niżlet b’mitejn u sitta u erbgħin miljun ewro (€246 miljun) fuq benefiċċji marbutin mal-COVID. B’hekk, mingħajr ma tgħodd, l-għajnuna li kienet ngħatat fil-pandemija, jirriżulta li l-Gvern f’dik is-sena żied l-investiment rikurrenti fil-protezzjoni soċjali b’disgħin miljun ewro (€90 miljun).
Sadanittant, minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li l-benefiċċji kontributorji u anke dawk mhux kontributorji żdiedu b’mod sinifikanti.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-benefiċċji marru għand il-pensjonanti, li ammontaw għal ftit aktar minn mitt elf sal-aħħar tal-2022, b’sebgħa minn kull għaxar benefiċċjarji kienu qed jirċievu pensjoni tal-irtirar.
Il-benefiċċjarji soċjali f’din is-sena msemmija kienu jammontaw għal ħamsa u tletin fil-mija (35%) tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, b’sebgħa u ħamsin fil-mija (57%) minnhom ikunu nisa, inkluż il-benefiċċji tat-tfal li jitħallsu lill-ommijiet.