Ġew imħabbra regolamenti li, għall-ewwel darba, għandhom l-għan li jirregolaw bis-sħiħ is-settur tal-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. Dan wara li, fl-aħħar żmien, seħħet konsultazzjoni pubblika b’aktar minn mija u ħamsa u tletin suġġeriment li ġew proposti.
Ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ fi żmien xahrejn mindu jiġu ppubblikati l-avviżi legali.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, li qed jittieħdu miżuri marbutin speċifikament ma’ pet grooming u, għalhekk, dawk l-istabbilimenti u negozji li joffru tali servizz se jkunu obbligati jirreġistraw mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, intqal kif ir-regolamenti għall-istabbilimenti tal-grooming jispeċifikaw li dawn ma jridx ikollhom il-kondotta mċappsa fejn jidħlu krudeltà u trattament mhux xieraq kontra l-annimali.
Minbarra hekk irid ikollhom mill-inqas persuna waħda mħarrġa fuq l-Ewwel Għajnuna għall-annimali u kameras tas-sigurtà fl-istabbiliment, fost oħrajn.
Dwar dan il-qafas regolatorju ġdid, ONE News tkellem mad-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella, fejn spjega għaliex din il-liġi hi indispensabbli.
“Li jkollna qafas regolatorju ħa jippermettilek li inti tista’ mhux biss tirrikonoxxi stabbilimenti li jossodisfaw il-kriterji, imma wkoll l-inforzar. Li tista’ tagħmel moniteraġġ kontinwu b’mod li hu effettiv.”
Sadanittant ġiet aċċennata d-differenza bejn pet sitter u pet boarder u ġie spjegat li pet sitter jista’ jżomm fl-istabbiliment tiegħu sa erba’ annimali għal perjodu ta’ ġimagħtejn jew inqas. Stabbiliment tal-boarding japplika għal min iżomm ħamest iklieb jew aktar.
Emenda importanti li saret f’dan ir-rigward hi dwar il-pieni amministrattivi.
“Mod ta’ kif wieħed jieħu azzjoni għal nuqqas mingħajr ma jtella’ l-persuna l-Qorti. F’dak is-sens, għal kull nuqqas li bħalissa aħna nsibu, fosthom kelb marbut biċ-ċinga l-ħin kollu jew kelb li ma ngħatax trattament jew tħalla jbati l-ġuħ jew fil-ħmieġ, għal dawn il-miżuri li jkunu għall-first time offenders u jkunu mhumiex daqsekk serji, aħna nistgħu noħorġu multa amministrattiva.”
Ir-regolamenti għall-istabbilimenti pet sitting u pet boarding jispeċifikaw, fost oħrajn, li trid tirreġistra fi żmien sitt xhur mindu tiġi ppubblikata l-liġi u jkun hemm perjodu tranżitorju ta’ sena. Fl-istess ħin ir-rekords fuq l-annimali jridu jinżammu għal perjodu ta’ sentejn u l-annimali jridu wkoll ikunu sorveljati tal-inqas kull erba’ sigħat.
Ġie mħabbar ukoll li għaddejja ħidma biex tinħareġ konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjoni.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, mill-aspett legali, dawn ir-regolamenti mhux biss jestendu l-benesseri tal-annimali tagħna, imma, fuq kollox, jagħmlu ġustizzja ma’ kulħadd.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said irrimarkat li dawn il-liġijiet fis-settur joffru serħan il-moħħ lill-pubbliku, imma wkoll lill-operaturi fejn qed jiġi rikonoxxut x-xogħol li jwettqu u, fl-aħħar mill-aħħar, isir il-monteraġġ li hemm bżonn.