Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mall-festa tradizzjonali tal-Imnarja, huma bosta li jerħulha lejn il-Buskett u r-Rabat, hekk kif huwa f’dawn l-inħawi li tkun mimlija b’attivitajiet marbuta ma’ din l-festa tant għal qalb bosta maltin, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi dilettanti tal-annimali, bdiewi u raħħala, u anke dilettanti taż-żwiemel. Pero’ dawk dilettanti tal-mużika jistgħu jgawdu minn kunċert mużikali b’diversi mużika varjata għall-gosti ta’ kulħadd, liema kunċert jittella’ fil-Pjazza tas-Saqqajja, fir-Rabat.
Il-Banda L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina ilha tkun parteċipi f’jum il-festa ddedikata lil San Pietru u San Pawl sa kważi minn meta twaqqfet l-istess banda fl-1860, fejn anke maż-żmien il-banda rat li żżomm din il-festa b’mod aktar organizzat u bdiet ittella’ kunċerti fil-Pjazza tas-Saqqajja.
Il-President tal-Għaqda Mużikali l’Isle Adam, Neville Muscat, spjegalna kif dan il-kunċert huwa wieħed bi storja twila u huwa parti integrali mill-attivitajiet li jsiru waqt din il-festa. Qalilna li dan il-programm minn dejjem sar fil-pjazza tas-Saqqajja, fejn kulma nbidel matul is-snin huwa l-pożizzjoni tal-planċier li fuqu toqgħod il-Banda, fejn dan kien isir in-naħa l-oħra tal-pjazza u kien biss fl-aħħar għoxrin sena li beda jsir quddiem in-niċċa ta’ San Pawl, hekk kif għadu jsir sal-lum il-ġurnata.
“Matul is-snin, kien isir ukoll programm lejliet l-Imnarja fejn qabel il-banda kienet tagħmel marċ minn quddiem il-Katidral tal-Imdina, kif kulħadd jaf il-festa tal-Imnarja ta’ San Pietru u San Pawl hija marbuta mall-Katidral tal-Imdina, u mbgħad il-banda kienet tagħmel programm qasir hawnhekk fuq is-Saqqajja. L-Għada, jum il-festa tal-martirju ta’ San Pietru u San Pawl, il-Banda kienet ittella’ l-Kunċert Annwali tagħha.”
Muscat qalilna li n-niċċa ta’ San Pawl, liema niċċa qed tintuża bħala sfond tal-kunċert, hija niċċa storika fejn anke din is-sena qed tiżżannan wara r-restawr kbir li sar fuqha, fejn kienet anke inawgurata ftit gimgħat ilu. Din in-niċċa, li hija propjeta’ tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, nbniet lura fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet minnha l-Belt antika tal-Imdina fis-seklu 18, u b’xorti tajba għadna ngawduha sal-lum. Dan ir-restawr, fejn sar ħafna xogħol ta’ delikazzjoni kbira, ra investiment ta’ aktar minn €80,000 mill-aġenzija Komunita’ Malta, bil-ħidma tal-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Rigward il-Kunċert, Muscat qalilna li dan il-kunċert iħarsu lejh b’ottimiżmu kbir hekk kif huwa kunċert mistenni ħafna mhux mir-Rabtin biss, imma anke mid-dilettanti kollha hekk kif jiġu esegwiti diversi ġeneri ta’ mużika għall-gosti ta’kulħadd. Fattur li jagħmlu differenti huwa l-fatt li hekk kif normalment programm annwali jittella fil-ġimgħa tal-festa, għalkemm l-Għaqda tieħu sehem b’mod attiv fil-Festa ta’ San Ġużepp ta’ kull sena f’Marzu, dan il-programm jittella’ f’din il-festa fejn anke t-temp ikun jippermetti aktar.
Muscat irringrazzja lil dawk kollha li jkunu ta’ għajnuna hekk kif programm bħal dan jinvolvi ħafna xogħol kemm ta’ loġistika biex jintrama l-planċier, kif ukoll mill-bandisti fejn jkunu ilhom jippreparaw minn ftit wara li tagħddi l-festa u l-Ġimgħa l-Kbira, fejn anke l-banda tieħu sehem b’mod prinċipali.
“Il-Kunċert ta’ din is-sena se jkun qed jiffoka ukoll fuq mużika klassika bħal dejjem, mużika moderna, u anke mużika Maltija. Se nkunu qiegħdin nfakkru il-mitt sena mill-mewt tal-kompożitur Giacomo Puccini, ħa jkollna mużika minn films, għandna mistednin kantanti Maltin u anke kantant barrani, nistieden lill-pubbliku, il-kunċert ikun miftuħ għal kulħadd bla ebda ħlas, jkun hawn is-siġġijiet il-Pjazza tas-Saqqajja, nibdew fit-tmienja ta’ filgħaxija u nistieden biex dak li jkun jgawdi din il-pjazza sabiħa li għandna hawnhekk fir-Rabat.