L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, ħabbret li kkonkludiet abbozz ta’ ftehim ieħor mal-Gvern dwar ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi. L-MUT qalet li se titlob lill-membri tagħha biex jivvotaw dwar dan l-abbozz fl-erbgħa ta’ Lulju li ġej.
Dan il-ftehim se jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.
Il-Gvern, kemm permezz tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, sostna kemm-il darba li, f’dan il-pakkett propost, l-edukaturi se jkollhom l-aħjar pakkett finanzjarju.
L-Unjin tal-Għalliema kienet diġà ħabbret li laħqet ftehim mal-Gvern, iżda minħabba diżgwid mal-membri, reġa’ kien hemm in-negozjati mill-ġdid.
Fl-ewwel ta’ Lulju se ssir laqgħa mal-edukaturi f’Għawdex għall-membri li rreġistraw. F’dan l-istess jum, il-membri jistgħu jaraw dan l-abbozz tal-ftehim, b’appuntament.
Imbagħad bejn t-tnejn u s-sitta ta’ Lulju, il-membri tal-MUT ikunu jistgħu jaraw l-abbozz tal-ftehim fil-kwartieri ġenerali tal-unjin, fil-Ħamrun.
Fl-erbgħa ta’ Lulju se ssir laqgħa li għandha twassal għall-bidu tal-votazzjoni dwar il-ftehim. Bil-votazzjoni se ssir bejn l-erbgħa ta’ waranofsinhar u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-President tal-MUT Marco Bonnici kien talab biex jestendi t-terminu tiegħu għal sitt xhur oħra. Hu talab li jibqa’ sitt xhur oħra President tal-MUT fejn, fit-talba tiegħu lill-membri tal-unjin, qal li jrid ikollu ż-żmien jinnegozja l-ftehim settorali għall-edukaturi.