Is-sajf daħal b’ruħu u b’ġismu u ġab miegħu temperaturi li normalment narawhom f’Lulju u f’Awwissu, iżda x-xhur li għaddew lanqas ma kienu xi friski, bir-rebbiegħa meteoroloġika tkun aktar sħuna u xotta min-norma.
Fil-fatt, Marzu kien ħafna aktar xott mill-medja klimatika, April fetaħ b’togħma tas-sajf, b’temperatura li laħqet id-29.4°C u Mejju ġab miegħu l-ewwel mewġa ta’ sħana għal din is-sena, bejn is-16 u t-18 tax-xahar.
Ħarsa iżjed dettaljata lejn it-temperaturi, it-tliet xhur tar-rebbiegħa meteoroloġika kienu kollha iżjed sħan min-norma klimatika. L-istess fejn jidħlu t-temperaturi massimi. F’Marzu, l-ogħla temperatura laħqet is-27.9°C (norma 17.4°C), fl-ewwel ta’ April il-merkurju kejjel 29.4°C (norma 20.1°C) u fit-18 ta’ Mejju t-temperatura telgħet sa 32.3°C (norma 24.3°C).
L-istess fejn tidħol ix-xita. Ħlief għal xi ftit xita tal-ħamrija ‘l hawn u ‘l hinn, it-tliet xhur tar-rebbiegħa kienu sostanzjalment aktar xotti min-norma klimatika. Bejn Marzu u Mejju, l-istazzjonijiet tat-temp, li l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu mxerrda madwar Malta u Għawdex, kejlu 26.2 mm xita u dan meta n-norma klimatika għar-rebbiegħa hija ta’ 68.6 mm xita.
Mejju kien l-aktar xahar xott tal-istaġun. Fil-fatt, matul Mejju kienu biss tlett ijiem li fihom niżlet ix-xita u li kejlet 5.8 mm, jiġifieri 4.4 mm inqas xita min-norma klimatika.
Mejju jagħlaq ir-rebbiegħa b’temp xott u sħun
Jekk Marzu fetaħ ir-rebbiegħa b’temp xott, l-istess għamel Mejju li ġab miegħu biss ftit traxxix ta’ xita tal-ħamrija, tant li matul ix-xahar tkejlu 5.8 mm xita, kważi inqas min-nofs tan-norma klimatika. 4.8 mm minnhom niżlu fit-8 ta’ Mejju, li kien ukoll l-aktar jum imdallam tax-xahar, b’inqas minn siegħa waħda xemxija mkejla matul il-ġurnata.
L-ammont ta’ temp imċajpar u ramel fl-ajra għal diversi jiem, wassal biex Mejju jkun ftit aktar imdallam min-norma klimatika. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 300.8 sigħat xemxin, jiġifieri kważi seba’ sigħat inqas min-norma.
Ħarsa aktar dettaljata lejn it-temperaturi mkejla f’Mejju turina kif ix-xahar li għadda kien kważi grad aktar sħun min-norma, biex it-temperatura medja kienet dik ta’ 21.1°C. Anke jekk Mejju ġab miegħu l-ewwel mewġa tas-sħana ta’ din is-sena, Mejju tal-2006 għad għandu f’idu r-rekord tal-ogħla temperatura mkejla matul ix-xahar, meta l-merkurju tela’ sa 35.3°C.