Laqgħa bejn il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli u l-President tar-Regione Siciliana, Renato Schifani, ffukat fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hekk kif iż-żewġ naħat iltaqgħu biex jiddiskutu x-xogħol li għaddej sabiex jiġi żviluppat it-tieni interconnector li se jkompli jsaħħaħ il-konnettività ta’ Malta mal-kontinent Ewropew. Huma enfasizzaw l-importanza ta’ relazzjonijiet b’saħħithom u kollaborattivi bejn Malta u Sqallija.
Il-laqgħa saret f’Palazzo Orléans fil-belt ta’ Palermo fi Sqallija, li matulha l-Ministru Dalli enfasizzat lir-rwol importanti tal-awtoritajiet Sqallin għall-implimentazzjoni u t-tlestija f’waqtu ta’ dan il-proġett. “Dan il-proġett huwa importanti ħafna għal Malta peress li jikkumplimenta l-pjanijiet tagħna għal sigurtà msaħħa tal-provvista. Dan jippermetti lil pajjiżna jżid l-interkonnettività tal-elettriku u jikkontribwixxi għall-isforzi li qed nagħmlu fit-tranżizzjoni għal ekonomija li hija newtrali tal-karbonju,” spjegat il-Ministru Dalli.
Il-Kummissjoni Ewropea tħares lejn it-tieni interconnector bħala wieħed ta’ importanza strateġika, tant li huwa eliġibbli għal fondi Ewropej. Ladarba jkun operattiv, it-tieni interconnector se jgħin biex Malta tkompli żżid il-ġenerazzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinovabbli lokali.
“Dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali jikkontribwixxi wkoll lejn il-miri ewlenin tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-enerġija u l-klima. Bih se nkunu qed insaħħu proġetti aktar nodfa bħalma hija l-elettrifikazzjoni fis-settur tat-trasport u l-użu ta’ enerġija onshore għal bastimenti tal-baħar,” qalet il-Ministru Dalli.
Matul il-laqgħa, il-President Schifani qal li r-Regione Siciliana qed taħdem b’mod diliġenti biex tiżgura li l-permess meħtieġ għat-tieni interconnector jinħareġ fi żmien propizju. F’dan ir-rigward, il-Ministru Dalli laqgħet il-pożizzjoni tal-President Schifani li rrikonoxxa u enfasizza l-importanza kritika tas-sigurtà tal-enerġija f’dawn iż-żminijiet. Huma esprimew impenn komuni biex ikomplu bl-isforzi kollaborattivi tagħhom, bil-għan li t-tieni interconnector jitlesta skont kif ippjanat.