Matul l-2023, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) investigat madwar 400 każ fejn persuni b’diżabilità ħassewhom iddiskriminati minħabba d-diżabilità tagħhom. Dan qalitu l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland waqt li ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Kummissjoni lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Ir-rapport juri kif il-Kummissjoni investigat numru ta’ ilmenti dwar nuqqas ta’ aċċessibbiltà. Ilmenti oħra kienu relatati mas-settur tal-edukazzjoni, servizzi u faċilitajiet, impjiegi, fost oħrajn. Meta mqabbel mas-sena li għaddiet, il-Kummissjoni rċeviet madwar 20% anqas ilmenti.
Matul l-2023, il-Kummissjoni tat taħriġ lil madwar 7,100 persuna, li jaħdmu f’entitajiet pubbliċi u privati, fid-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Is-CRPD kompliet taħdem ukoll favur il-kunċett ta’ deistituzzjonalizzazzjoni fejn organizzat żewġ konferenzi u mexxiet ’il quddiem kampanja ta’ sensibilizzazzjoni. Il-Kummissarju Rhoda Garland semmiet ukoll kif il-Kummissjoni għaddejja b’riċerka dwar is-suġġett. Din ir-riċerka se tifforma l-bażi li minnha Malta tista’ tibni l-istrateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni tagħha biex tkun tista’ tindirizza n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm u tagħti aktar opportunitajiet lill-persuni b’diżabilità biex jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità bl-appoġġ meħtieġ.
In-numru ta’ persuni b’diżabilità reġistrati mas-CRPD sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien jammonta għal 27,091. Minnhom kien hemm 20,978 b’diżabilità fiżika filwaqt li 4,387 għandhom diżabilità intellettwali; 3,746 għandhom diżabilità psiko-soċjali; 2,775 għandhom nuqqas ta’ smigħ; u 1,878 għandhom nuqqas ta’ dawl.
Fl-2023, il-Kummissjoni fl-irwol li għandha ta’ infurzar tal-Blue Badges, kkonfiskat 123 Blue Badge iffalsifikati u ġabret 136 Blue Badge li kienu qed jintużaw illegalment.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli faħħret u rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Kummissjoni għall-ħidma tagħhom favur id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Hija semmiet ukoll kif is-sena 2023 wasslet għall-akbar riforma fis-settur – dik tal-assistent personali. “Din ir-riforma se twassal għal bidla totali fil-ħsieb tas-soċjetà tagħna li timbotta ’l quddiem għajxien indipendenti,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.