L-ewwel sett ta’ għodod nazzjonali tal-parteċipazzjoni tat-tfal għall-ġenituri u partijiet interessati li jaħdmu mat-tfal ġie mniedi llum u jgħaqqad għaxar snin ta’ xogħol u riċerka minn The Malta Foundation for the Wellbeing of Society.
Dan is-sett ta’ għodod se jagħti lill-adulti l-għodda neċessarji biex jifhmu aħjar lit-tfal u d-drittijiet tagħhom, u kif wieħed jista’ jinvolvihom u jisma’ l-ħsibijiet tagħhom qabel issir xi deċiżjoni li minflok ma tgħinhom, tfallihom. Mas-sett ta’ għodod se jkun hemm taħriġ speċifiku biex jagħmel ċert li jiġi implimentat kif suppost.
Sabiex twettaq dan, The Malta Foundation for the Wellbeing of Society dalwaqt se ssir istituzzjoni liċenzjata tat-taħriġ; ħolma kbira għall-fondazzjoni, li dis-sena qed tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha minn mindu bdiet waqt il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca.
Is-Sinjura Coleiro Preca, chairperson ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society u champion tad-drittijiet tat-tfal, qalet li kien premjanti ferm li fl-aħħar ġie mniedi s-sett ta’ għodod, li wara snin twal ta’ xogħol minn esperti, speċjalisti, u prattikanti issa se jimla n-nuqqas li jeżisti.
Is-sett ta’ għodod huwa ddiżinjat biex ikun sors prattiku u ta’ sapport, li jista’ jiggwida l-adulti, organizzazzjonijiet u awtoritajiet biex jinvolvu lit-tfal fid-deċiżjonijiet li jittieħdu u jindirizzaw sfidi potenzjali. Permezz tiegħu, l-adulti jistgħu jagħtu s-saħħa lit-tfal biex jieħdu rwol attiv fl-ippjanar tal-futur tagħhom u b’hekk joħolqu soċjetà iktar inklussiva u dinamika.
Jindirizza numru ta’ sitwazzjonijiet u jipprovdi soluzzjonijiet dwar kif il-professjonisti mediċi, il-ġudikatura, l-iskejjel, il-pulizija, iċ-ċentri tal-migranti, u l-ġenituri, fost l-oħrajn, għandhom jindirizzaw il-parteċipazzjoni tat-tfal.
Il-parteċipazzjoni tat-tfal — dritt fundamentali tal-bniedem miktub fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti — isseħħ meta t-tfal jiġu mismugħa, jittieħdu bis-serjetà, u l-ideat tagħhom jiġu trasformati f’realtà.