Ħdax-il impjegat tal-Awtorità tal-Artijiet irċevew ċertifikat ta’ rikonoxximent wara li temmew b’suċċess kors ta’ studju fl-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Artijiet organizzat b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar l-inizjattiva tal-Awtorità tal-Artijiet li tinvesti biex tħarreġ lill-impjegati tagħha u stqarr li t-taħriġ huwa proċess li għandu jibqa’ għaddej tul il-ħajja.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-irwol ċentrali li għandha l-Awtorità tal-Artijiet li tamministra l-art f’pajjiżna. Semma wkoll li barra l-irwol li tamministra l-art, tiġbor il-flus mill-kirjiet, u toħroġ tenders meta jkun hemm art li trid tiddisponi minnha, għandha wkoll l-irwol li tara s-sostenibbiltà tal-operat tagħha.
“Nemmen li l-Awtorità għandha tibqa’ tinvesti aktar fit-taħriġ tal-impjegati biex ittejjeb il-proċessi tagħha u tagħmilhom aktar effiċjenti u fl-istess ħin tattira aktar impjegati lejha,” sostna l-ministru, filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità għall-inizjattiva li ħadet u lill-Università ta’ Malta u lill-Professur Maria Attard li bil-kollaborazzjoni tagħhom seta’ jiġi organizzat dan it-taħriġ.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Robert Vella tkellem ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ għall-impjegati tal-Awtorità.
Preżenti wkoll kien hemm iċ-Chairperson tal-Bord tal-Awtorità Dr John Vassallo u l-Professur Maria Attard mill-Università ta’ Malta li kkordinat il-kors tat-taħriġ.