Ġew imħabbra dettalji dwar il-“Bike Ride 2024”, maratona bir-roti li ser tittella’ il-Ħadd, 6 ta’ Ottubru 2024, bl-iskop ewlieni li jinġabru l-flus għad-Dar tal-Providenza. Din il-maratona qed tiġi organizzata mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b’kollaborazzjoni mad-Dar tal-Providenza.
Ġie spjegat li r-rotta ser titlaq mill-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta Qali, proġett li nfetaħ riċenti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u iddur lejn l-Imtarfa. Tgħaddi mir-Rabat u taħt l-Imdina għall-Pont ta’ Gomorrino, proġett ieħor tad-dipartiment. Wara waqfa qasira ċ-ċiklisti jerġgħu jduru lura għall-Park Nazzjonali. L-arranġamenti għal din il-maratona saru b’koordinament ma’ Transport Malta, il-korp tal-Pulizija kif ukoll ir-Red Cross li se jkunu qed joffru assistenza medika immedjata f’ każ ta’ bżonn.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. “Sodisfatt ħafna b’inizjattiva tad-dipartiment li mhux biss se tippromwovi l-użu alternattiv ta’ trasport imma ukoll għandha l-għan li tkun ta’ sapport għad-Dar tal-Providenza li tant tagħmel xogħol siewi u bżonnjuż. Inħeġġiġkom tingħaqdu magħna sabiex flimkien nagħmlu l-parti tagħna u nkunu ta’ sostenn għar-residenti ta’ din id-Dar.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef fejn irringrazzja lid-dipartiment tal-inizjattiva. Semma kif inizjattivi bħal dawn jagħtuhom sens ta’ kuraġġ biex jibqgħu għaddejjin bil-ħidma fid-Dar tal-Providenza li preżentament għandha 115 ir-resident.
L-applikazzjonijiet għal Bike Ride 2024 jistgħu jinkisbu b’donazzjoni ta’ €10 mid-Dar tal-Providenza u minn Projects House il-Furjana mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 ta’ filgħodu u siegħa ta’ wara nofsinhar kif ukoll mil-link li tinsab fuq il-paġna ta’ facebook tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi https://www.facebook.com/publicworksdepartmentmalta jew direttament mill-applikazzjoni online https://www.cognitoforms.com/MinistryForTransportInfrastructureAndPublicWorks1/BikeRide.