Clyde Mallia ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li spara u qatel qattusa fil-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-allegat każ seħħ fl-ewwel ta’ Ġunju li għadda u f’filmat, li għandha f’idejha l-Pulizija, tidher karozza li waqfet u ġie sparat tir lejn qattusa.
Intqal kif minn dan il-filmat, il-qattusa dehret tbati sakemm eventwalment mietet.
Il-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-allegat akkużat mill-pjanċi tal-karozza fuq l-istess filmat.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li, waqt tfittxija li saret fid-dar tal-akkużat, instabet, fost oħrajn, kaxxa bullets, iżda l-ebda armi tan-nar.
Ingħad ukoll li mill-awtopsja, li saret fuq il-qattusa, jirriżulta li l-bullets huma identitiċi għal dawk li nstabu fid-dar tal-akkużat.
Mallia wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Maġistrat Marse Anne Farrugia tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.