Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni rringrazzja lill-Prof. James Joachim Calleja tas-servizz tiegħu bħala Prinċipal tal-MCAST għas-sitt snin li għaddew. Il-Kulleġġ huwa grat lejn il-Professur Calleja talli mexxa l-Kulleġġ lejn livelli akkademiċi bla preċedent.
Il-Ministeru ħatar kumitat interim biex jiżgura kontinwità fil-Kulleġġ. Dan il-kumitat se jkun qed jaħdem mat-tmexxija tal-Kulleġġ b’mod immedjat sabiex jassigura li l-istudenti, il-letturi, l-edukaturi u l-ħaddiema kollha tal-Kulleġġ, ikomplu jingħataw appoġġ f’dawn iż-żminijiet; toħroġ sejħa għal prinċipal ġdid u jikkordina flimkien mat-tmexxija preżenti, l-operat tal-Kulleġġ lejn il-ftuħ tas-sena akkademika ġdida.
Il-kumitat huwa kompost minn membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ, kif ukoll minn uffiċjali pubbliċi tas-Servizz Pubbliku.
Fi stqarrija ntqal kif dan il-proċess ta’ tibdil qed isir b’konformità mar-regoli tal-amministrazzjoni pubblika, hekk kif diġà ġie kkomunikat mal-partijiet ikkonċernati f’Mejju li għadda.