Is-Servizz Pubbliku rrikonoxxa l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi li spikkaw f’ħidmiethom matul is-sena li għaddiet, f’ċerimonja li saret taħt il-patroċinju tal-President Dr Myriam Spiteri Debono.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li f’din il-ġurnata speċjali għall-Amministrazzjoni Pubblika huwa xieraq li l-uffiċjali pubbliċi jibqgħu jiġu motivati għal ħidmiethom. Huwa rrefera għall-Public Service Expo fejn ġew diskussi l-ħiliet varji u li kienet tassew importanti biex nevalwaw x’ħiliet għandna fil-preżent u kif dawn se nieħdu ħsiebhom.
Il-bord ta’ aġġudikazzjoni tal-awards irċieva mijiet ta’ nomini ta’ livell għoli ħafna li jkompli jikkonferma kemm bil-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi, l-amministrazzjoni tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.
Ir-rikonoxximenti li ngħataw kienu dawn:
Quality Award ingħata lill-Bank tad-Demm li kiseb l-aqwa riżultati f’termini ta’ kwalità tas-servizz mogħti. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontraju, il-Kunsill tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża, l-Unità tal-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Employee Support Programme fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kisbu l-Quality Label.
Best Practice in Good Governance Award ingħata lill-Malta Council Science and Technology MCST wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kellu kliem ta’ tifħir lejh f’audit riċenti.
Best Digital Solution ingħatat lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-App “Events in Gozo.” Din l-app diġitali solviet il-problema ta’ tagħrif fragmentat dwar il-gżira Għawdxija u tintuża kemm minn residenti kif ukoll turisti Maltin u barranin. Apparti minn hekk din l-app għandha disinn interessanti u interface tekniku tal-aqwa livell.
Best Green Initiative ngħatat lill-Water Services Corporation. Il-korporazzjoni s-sena li għaddiet ħabbret il-ħruġ tal-ewwel green bonds f’pajjiżna b’valur ta’ €25 miljun. Il-ħruġ ta’ dawn il-bonds jikkonforma mal-miri ta’ żvilupp sostenibbli u mal-Green Deal tal-Unjoni Ewropea. Dan il-finanzjament se jmur f’impjanti kbar aktar effiċjenti, installazzjoni ta’ pannelli tax-xemx, titjib fl-impjanti li jsaffu d-drenaġġ u titjib fin-new water.
Inclusion Award ingħata lil San Miguel Primary Education Resource Centre. F’dan iċ-ċentru tiġi provduta edukazzjoni sħiħa lil studenti bejn tliet snin u 11-il sena li għandhom diffikultajiet kumplessi ta’ tagħlim, permezz ta’ metodi sensorjali u attenzjoni individwali. Iċ-ċentru jattwa fil-prattika politika ta’ inklużjoni fejn l-istess studenti jiltaqgħu ma’ studenti oħra minn skejjel mainstream sabiex jieħdu gost u jitgħallmu flimkien.
Role Model Award ingħata lil Sa Marcelle Muscat, Manager tal-Customer Interface fil-Lands Registration Agency li minkejja sfidi personali kbar, baqgħet temmen fl-importanza li tibqa’ taqdi dmirha u oltre. Is-Sa Muscat għandha toffri ispirazzjoni lil kulħadd għall-commitment tagħha u perseveranza li turi. Is-Sa Muscat turi b’passjoni kbira għax-xogħol biex finalment il-klijenti jiġu moqdija bl-aqwa mod.
Inspiring Social Responsibility Award ingħata lill-MITA Cares li huwa kumitat fi ħdan il-MITA li b’mod kontinwu jaħdem biex ikun ta’ spalla għal għaqdiet nongovernattivi u organizzazzjonijijet volontarji. Fost dawn insibu lil Puttinu Cares, The Malta Trust Foundation, Caritas, Dar Bjorn, Karl Vella Foundation, Appoġġ u oħrajn.
Project of the Year ingħatat lil Sports Malta għall-proġett ta’ pixxina olimpika ġewwa Bormla. Dan il-proġett kien jinvolvi faċilitajiet eċċellenti bl-aħħar teknoloġija, dressing rooms, uffiċini, kmamar ta’ kontroll, sistemi li jsaħħnu l-ilma, arja kundizzjonata u spazju adegwat għall-ispettaturi. Din il-pixxina għandha wkoll qisien differenti bħala fond tal-ilma minn parti fonda għall-għawm artistiku sa partijiet baxxi biex isir tagħlim tal-għawm.
Team Recognition Award ingħata lit-Taqsima tal-Loġistika fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni li jipprovdi s-servizzi tiegħu fil-kulleġġi u skejjel imxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Dan huwa tim multidixxiplinarju li ma jintervjeniex biss meta jinqalgħu l-problemi, imma jwettaq xogħol varju ta’ prevenzjoni permezz ta’ spezzjonijiet regolari fl-iskejjel. Matul is-sena li għaddiet dan it-tim wettaq 514-il proġett.
Matul is-serata ngħata wkoll ir-rikonoxximent ‘Outstanding Effort Award’ mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana lit-tim tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan huwa tim magħmul minn tobba speċjalizzati, nurses tal-emerġenza, fiżjoterapisti, radjografi, tekniċi u ħaddiema oħra tas-saħħa li flimkien jaħdmu alenija għal għan wieħed, dak li joffru l-għajnuna kollha possibbli f’każijiet ta’ emerġenza. F’Malta, l-ambulanzi jintbagħtu għal madwar 150 pazjent f’kundizzjonijiet kritiċi kuljum filwaqt li d-Dipartiment joffri servizz lil madwar 280 pazjent kuljum. F’Għawdex, id-dipartiment tal-Emerġenza jara madwar 90 pazjent kuljum filwaqt li s-sezzjoni tal-emerġenza tal-pedjatrija tilqa’ minn 70 sa 100 tifel u tifla kuljum. Is-servizzi tal-emerġenza jingħataw jaħdmu 24 siegħa kuljum matul is-sena kollha, bla waqfien ta’ xejn.