Funtani sinkronizzati mal-mużika drammatika fil-Port il-Kbir serqu l-ispettaklu s-Sibt filgħaxija, meta saret edizzjoni oħra tal-Valletta Pageant of the Seas.
Taħt ir-raġġi tal-qamar kwinta fuq l-ilmijiet kalmi, dan l-avveniment immarka l-bidu ta’ sajf sabiħ Mediterranju.
Folol inġabru f’Xatt il-Barrieri biex jaraw l-ispettaklu ta’ kull sentejn, li issa wasal fil-ħames edizzjoni tiegħu minn meta beda, waqt it-tħejjija għall-Valletta 2018, meta l-kapitali Maltija kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
F’din l-edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas kien hemm l-akbar funtani tal-ilma li qatt dehru f’Malta, projezzjonijiet fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu b’tema ambjentali, spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat, u spettaklu ta’ dawl.
Bit-tema “Save the Seas”, fl-isfond tat-theddida ambjentali fl-ibħra madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam l-aktar mal-plastik u l-microplastic, l-ispettaklu żvolġa madwar narrattiva animata kkumplimentata minn mużika oriġinali, funtani tal-ilma u logħob tan-nar sinkronizzat.
L-avvenimenti bdew fid-disgħa ta’ filgħaxija bi spettaklu li kien jinkludi dgħajjes tal-pass u dgħajjes tar-regatta malli waqa’ d-dlam.
Dan kien segwit minn projezzjoni u narrattiva animata kkumplimentata mill-mużika oriġinali ta’ Cyprian Cassar.
L-ispettaklu kompla b’funtana tal-ilma mill-kumpanija internazzjonali Aquatique Show ispirata primarjament min-natura u l-ilma li jirriflettu l-kultura tal-gżira.
Is-serata għalqet bi spettaklu ta’ logħob tan-nar mill-isbaħ.
Il-Valletta Pageant of the Seas ittellgħet mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.